Sport Sport Ieħor

Djokovic sfurzat jirtira waqt il-logħba kontra Wawrinka

(Ritratt: EPA)

Novak Djokovic kellu jirtira fil-fażi tal-aħħar 16 minħabba li weġġa’ biex b’hekk tilef iċ-ċans li jiddefendi b’suċċess it-tournament li rebaħ is-sena l-oħra. Djokovic irtira minħabba problema fi spalltu, sekondi wara li double fault ħallieh żewġ sets u logħba minn taħt. Ħafna minn dawk preżenti ma kinux kuntenti bid-deċiżjoni tas-Serb, bit-tisfir jiżdied hekk kif kien ħiereġ mill-court.

L-avversarju tiegħu Stanislav Wawrinka kien iddomina l-konfront li ntlagħab fl-Artur Ashe Stadium u sakemm Djokovic irtira u kellu vantaġġ ta’ 6-4, 7-5, 2-0. Wawrinka kien għeleb lil Djokovic tliet darbiet fi Grand Slam, inkluż l-aħħar darba fil-finali tal-2016 fi Flushing Meadows. Mal-aħħar tmienja t-tennist ta’ 34 sena jilgħab kontra r-Russu Daniil Medvedev.

Djokovic daħal għal dan it-tournament favorit li jerġa’ jirbaħ l-Open tal-Istati Uniti u jnaqqas id-distakk minn ma’ Roger Federer fir-rebħ ta’ Grand Slams mirbuħa. Iżda hu kellu uġigħ fl-ispalla x-xellugija u qal li kien muġugħ għal ftit ġimgħat.

Hu partikolarment sabha diffiċli fil-logħba tat-tieni rawnd kontra Juan Ignacio Londero l-Erbgħa li għadda. F’dik il-logħba hu kellu bżonn trattament intensiv tliet darbiet. Qabel il-logħba ta’ wara kontra l-Amerikan Denis Kudla, kien hemm spekulazzjoni li seta’ jirtira. Wara l-logħba s-Serb ma riedx jitkellem fuq ir-reazzjoni tal-24,000 preżenti filwaqt li Wawrinka kien sorpriż bin-negattività.

Ikkummenta