Futbol Sport

Icardi finalment iħalli lil Inter u jingħaqad ma’ Paris Saint-Germain

(Ritratt: PSG)

Dik li probabbli kienet l-itwal storja ta’ trasferiment matul is-sajf intemmet fl-aħħar ġurnata hekk kif Mauro Icardi ħalla lil Inter tal-anqas parzjalment biex ingħaqad ma’ Paris Saint-Germain. L-Arġentin ingħaqad maċ-champions Franċiżi b’self ta’ €5 miljuni, b’PSG għandhom id-dritt li jakkwistaw lill-plejer għal €65 miljun.

Icardi li se jkollu l-flokk numru 18 se jkun salarju ta’ €10 miljuni, b’Inter iħabbru uffiċjalment it-trasferiment fil-11.00pm. Biex dan it-trasferiment seta’ jseħħ, Icardi kellu jġedded il-kuntratt b’sena sal-2022 biex jekk jirritorna mal-klabb Taljan fi tmiem l-istaġun, ma jkunx fadallu sena biss fil-kuntratt.

PSG kienu qed ifittxu attakkant wara li Kylian Mbappe u Edinson Cavani weġġgħu fil-logħba tal-kampjonat kontra Toulouse l-ġimgħa l-oħra. Icardi se jilgħab ma’ Neymar li baqa’ mal-klabb minkejja diskussjonijiet biex iħalli lit-tim mill-kapitali Franċiża. Meta dawn il-plejers ikunu kollha għad-dispożizzjoni tidħol id-deċiżjoni tal-kowċ Thomas Tuchel dwar min huma l-plejers regolari.

Mal-wasla ta’ Antonio Conte bħala kowċ ta’ Inter, Mauro Icardi tħalla mill-iskwadra tul is-sajf hekk kif intqal li ma kienx parti mill-pjan tekniku. Oriġinarjament, ir-relazzjoni ta’ Icardi ma’ Inter bdiet tmur għall-agħar fi Frar li għadda meta kien tneħħa minn captain tat-tim u tilef serje ta’ logħbiet.

Juventus, Napoli u Roma dehru kollha interessati fl-akkwist tal-plejer matul is-sajf iżda ma kienet preżentata ebda offerta denja. Jidher li l-moviment ta’ PSG seħħ fl-aħħar jiem, bl-aġent u mara ta’ Icardi Wanda Nara, saħansitra telqet waqt il-programm Tiki Taka fuq Italia 1 li hi residenti fih, biex taħdem fuq dan it-trasferiment.