“Ieqfu qaċċtu s-siġar biex twessgħu t-toroq”
“Id-dinja xebbajniha noħdulha biss”
“Min hu mejjet għal qatra… min hu mejjet fis-sakra”
Kienu dawn uħud mill-ħafna kummenti li għaddew it-tfal ta’ Skola Sajf fi djalogu li kellhom fil-Parlament mal-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra.
Net News tkellem ma’ uhud mit-tfal li ppartecipaw.
Il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius tkellem dwar l-użu ta’ enerġija sostenibbli u kemm hu importanti li nibżgħu għall-ilma… dan filwaqt li semma kif il-pjan tal-gvern li 10% fil-mija tal-enerġija tagħna tkun waħda li tiġedded mhux pjan fit-tul, għaliex għandek 90% tal-enerġija li qed tinħela – meta għandna alternattivi oħra bħall-interconnecter ma’ Sqallija li jista’ jgħina fejn tidhol id-domanda ghall-elettriku.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN u kelliem ghall-Edukazzjoni, Clyde Puli faħħar lit-tfal għall-inteliġenza tagħhom u kemm dan jawgura tajjeb għall-futur ta’ pajjiżna. Clyde Puli semma li hu tajjeb li l-ekonomija tikber pero importanti ferm aktar li l-persuna u l-ħajja umana tibqa ċentrali fejn semma l-problema tal-faqar…meta f’pajjizna għandek min jgħix fit-torrijiet u min jgħix fil-garaxxijiet.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari, Robert Cutajar tkellem dwar punti validi li qajmu t-tfal fir-rigward tal-familja fejn qal li hija xi ħaġa inkoraġġanti li t-tfal qed isaqsu fuq il-valuri tal-ħajja għaliex ma nistgħux nitkellmu biss fuq ekonomija.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Infrasstruttura, Toni Bezzina, fid-dawl tal-punti li qajmu t-tfal dwar l-ammont ta’ karozzi fit-toroq u t-twessigħ tal-istess toroq.. semma kif f’Malta hawn kważi karozzi daqs kemm hawn nies fejn qed tiżdied karozza ġdida fit-triq kull kwarta. Hu faħħar l-ideat li ħarġu bihom it-tfal fosthom iktar bike lanes li jistgħu jintużaw bla periklu u trasport publiku aħjar.
Fl-aħħar ta’ din il-laqgħa, it-tfal kienu preżentati b’ċertifikati kommemorattivi kif ukoll iddawwru mal-għola istituzzjoni tal-pajjiż fejn anke ħadu ritratt tal-okkażżjoni.
Kull sena l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi tilħaq lil entitajiet differenti biex tissieħeb għall-proġett Skolasajf. Din kienet it-tielet sena li din il-fondazzjoni ħadmet mal-EUPA, biex toffri lit-tfal ta’ Skolasajf workshops ta’ taħdit pubbliku
F’dawn il-laqgħat ta’ ħidma huma tgħallmu dwar l-istima personali, il-valuri, l-apprezzament tal-kwalitajiet u t-talenti ta’ xulxin, kif ukoll kif jintużaw dawn il-valuri biex tkun tista’ titkellem fil-pubbliku.
Il-qofol ta’ dawn il-workshops kien is-sessjoni tal-lum fejn it-tfal għamlu mistoqsijiet lill-membri parlamentari. Din hija wkoll it-tielet edizzjoni ta’ Skolasajf fil-Parlament.
Dawn it-tfal joħorġu l-mistoqsijiet huma stess. Wara l-workshops ta’ diskussjoni t-tfal jinġabru u jiddiskutu il-kwalitajiet li tgħallmu dwarhom waqt il-workshops, biex jirrealizzaw li l-ħsibijiet u l-mistoqsijiet tagħhom huma ta’ valur.
Huma jiddiskutu suġġetti differenti u fl-aħħar ta’ kollox, huma jagħżlu s-suġġett li l-iktar jinteresshom minnu u jifformulaw il-mistoqsijiet tagħhom stess, skond dak li jimpurtahom verament.
Entità oħra li ħadmet ma’ SkolaSajf din is-sena kienet il-Fondazzjoni għall-Benessri tas-Soċjetà li żaru 10 skejjel u għamlu sessjonijiet dwar Għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.
Uħud mit-tfal li ħadu sehem ġew iffilmjati għall-filmat qasir li ntwera dalgħodu. Il-5 itfal li ħadu sehem fid-dramm, huma wkoll tfal Skolasajf.
//= $special ?>