Internazzjonali

IL-BAHAMAS-STATI UNITI: Impatt devastanti minn uragan ‘mostru’

L-Uragan Dorian – li fl-aħħar sigħat laħaq il-kategorija 5 (jiġifieri l-ogħla livell possibbli) f’termini ta’ qawwa – ħalla straġi fit-territorji tal-Bahamas fost inċidenzi ta’ għargħar u t-tqaċċit tas-soqfa minn mijiet ta’ djar u bini oħrajn.

‘Dorian’ ġab miegħu l-akbar maltempata għall-gżejjer tal-Bahamas mindu bdew jinżammu r-rekords. Dan waqt li hu t-tieni l-akbar uragan fl-istorja li ħalla effett fir-reġjun tal-Atlantiku meta qed jispikkaw l-irwiefen b’veloċità ta’ 280 kilometru fis-siegħa.

Ma ngħatawx dettalji uffiċjali dwar ‘vittmi potenzjali’ iżda l-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar esprimiet l-inkwiet li mat-13,000 djar setgħu nqerdu jew, almenu, ġarrbu l-ħsarat.

Urugan Dorian, issa, qed javvanza lejn il-kosta fil-lvant tal-Istati Uniti, bl-Istati Amerikani ta’ Florida, Georgia, North Carolina u South Carolina lkoll jiddikjaraw stat ta’ emerġenza.