Il-Partit CDU (Demokristjan) tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel baqa’ l-akbar partit f’Sassonja skont ir-riżultati finali mill-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa f’dan is-Stat li jinsab fil-lvant tal-Ġermanja.
Intant, il-Partit SPD (Soċjal-Demokratiku) rebaħ l-elezzjoni fl-Istat ta’ Brandenburg, li wkoll jinsab lejn il-lvant tal-pajjiż u fejn spiċċaw ftit warajh l-estremisti tal-lemin mal-Partit Alternattiv għall-Ġermanja (AfD)
Filwaqt li l-AfD żied il-voti f’dawn iż-żewġ Stati, la s-CDU u lanqas l-SPD (li baqgħu jikkontrollaw s-Sassonja u Brandenburg, rispettivament,) ma sofrew xi element ta’ disfatta qawwija, meta, qabel, kienu qegħdin jibżgħu mill-possibbiltà.
Dan ukoll minkejja li s-CDU naqqas mill-appoġġ li kellu qabel fejn kiseb 32 fil-mija tal-vot, f’Sassona, għal vantaġġ fuq l-AfD li spiċċa t-tieni (b’27 fil-mija).
L-SPD ilu jmexxi fi Brandenburg (il-madwar ta’ Berlin) mir-reunifikazzjoni tal-Ġermanja, fl-1990, u fi tmiem il-ġimgħa kiseb mas-26.2 fil-mija tal-vot kontra t-23.5 fil-mija għall-AfD.
Intant, jidher li l-AfD ibbenefika mill-kritika ta’ ħafna Ġermaniżi dwar il-politika ta’ pajjiżhom dwar ir-refuġjati. Numru ta’ votanti Ġermaniżi fil-lvant tal-pajjiż anki użaw il-vot tagħhom biex jesprimu diżapprovazzjoni għall-għeluq tal-minjieri tal-faħam fit-territorji tal-eks Ġermanja tal-Lvant komunista.
Iżda minkejja l-kisbiet hemm ukoll indikazzjoni li l-AfD hu diżappuntat bil-verdett tal-poplu, peress li kien qed jittama li jmur aħjar fi Brandenburg.
Mill-banda l-oħra, is-CDU u l-SPD – sieħba fil-Gvern (koalizzjoni) nazzjonali li qed tmexxi Merkel – ħadu nifs twil wara l-votazzjoni, b’din il-koalizzjoni mistennija tibqa’ fis-seħħ sakemm isiru l-elezzjonijiet federali fl-2021.
Angela Merkel qed taħseb biex twarrab minn Kanċillier fl-2021 wara li kienet irriżenjat diġà minn Kap tas-CDU, lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.
//= $special ?>