Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kellha tipposponi ġuri li suppost beda t-Tnejn minħabba li l-lista tal-gurati ma ġietx ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.
Il-ġuri appuntat jikkonċerna lil Etienne Bartolo ta’ 38 sena minn Birkirkara magħruf bħala “il-Vojt” li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Roderick Grech ta’ 26 sena min-Naxxar magħruf bħala “Iċ-China”. L-kaz kien seħħ f’Marzu tal-2017.
F’digriet li l-Qorti tat tard il-Hadd filgħaxija ġie deċiż li għalissa l-ġuri ma jsirx minħabba li għal xi raġuni mhux magħrufa, l-lista baqgħet ma deheritx fil-gazzetta tal-Gvern. Fid-digriet tagħha l-Qorti ordnat investigazzjoni biex ikunu magħrufa r-raġunijiet ghaliex il-lista tal-ġurati ma ġietx ippubblikata.
Sadanittant, fil-bini tal-Qorti diversi persuni bdew jaslu sa minn kmieni filghodu biex joqgħodu għall-polza u jistennew jekk jinqabdux bħala ġurati. Dan minhabba li ma kienux jafu li l-guri gie pospost.
Dan il-posponiment ħoloq ukoll problemi kbar loġistiċi għall-Qorti u dan għal bosta raġunijiet …fosthom li l-lukanda kienet diġa’ bbukkjata biex tilqa’ fiha l-ġurati, marixalli u uffiċjali oħra tal-Qorti. Il-guri issa se jibda nhar l-Erbgha, wara digrit separat moghti mill-Qorti fl-ahhar sighat.
Dan il-ġuri kellu jieħu madwar ġimgħa biex jiġi fi tmiemu fejn mill-anqas 20 xhud iridu jagħtu x-xhieda tagħhom, bil-maġġoranza tagħhom huma xhieda tal-Prosekuzzjoni.
Il-ġuri jorbot ma’ dik li tidher li kienet biċċa negozju fid-droga li marret ħażin, fejn wasslet biex iz-żagħżugħ Roderick Grech jitlef ħajtu b’daqqa ta’ temprin. Il-każ kien seħħ fid-29 ta’ Marzu ta’ sentejn ilu.
Grech kien miet jumejn wara li seħħ l-inċident, bl-akkużat jitressaq mill-ewwel il-Qorti.
Etienne Bartolo qed jikkontendi li huwa għamel dak li għamel biex jiddeffendi lilu nniffsu. L-Avukati Difensuri f’dan il-kaz huma Edward Gatt u Mark Vassallo. L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru bhala parte civile.
//= $special ?>