Ewropa Lokali

AĠĠORNATA: Il-kaptan Reisch ibaħħar lejn L-Italja

Jisfida l-projbizzjoni tal-Gvern Taljan

Il-bastiment Eleonore tal-għaqda non-governattiva Germaniza Lifeline jisfida lill-Vici Prim Ministru Taljan Matteo Salvini – il-kaptan, baqa’ dieħel Pozzallo, minkejja l-projbizzjoni tal-Gvern Taljan.

Abbord il-bastiment hemm aktar minn 100 immigrant li ilhom bejn sema u ilma għal tmint ijiem.

Il-vapur Eleonore baħħar lejn l-Italja wara li bil-lejl il-kaptan Claus Peter Reisch iddikjara stat ta’ emerġenza.

F’Mejju li għadda, il-Qorti Maltija kienet sabet lil Reisch ħati għal nuqqasijiet fil-mod kif irreġistra l-bastiment tiegħu, u kien ikkundannat iħallas €10,000.

Intant, fl-aħħar sigħat mal-100 Tuneżin daħlu fil-bajja ta’ Cala Spugne f’Lampedusa. Huma diġa’ ġew miżmuma mill-awtoritajiet Taljani.

Fl-aħħar żviluppi, l-NGO Taljan, Mediterranea Saving Humans, ikkonferma li l-gwardjani tal-kosta fl-Italja kellhom jippermettu biex l-aħħar 31 immigrant fuq il-bastiment Mare Jonio jinżlu fuq Lampedusa għal raġunijiet ta’ saħħa.

Mill-banda l-oħra, bastiment ieħor — l-Alan Kurdi — li qed jintuża biex isalva lill-immigranti mill-Mediterran, għadu involut ‘fil-battibekki’ ma’ Matteo Salvini li jrid jippersisti bil-politika ‘għall-għeluq tal-portijiet Taljani’.