Lokali

Il-UĦM tgawdi l-maġġoranza tal-Allied Health Professionals

Laqgħa li llum kellha tikkomunika r-riżultat fuq it-talba tal-UĦM Voice of the Workers għar-rikonoxximent tas-settur tal-Allied Health Professionals (AHP),spiċċat biex ma ġie kkomunikat xejn.

Fi stqarrija l-UĦM spjegaw li dan seħħ wara li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) ma kellux direzzjoni jekk issettur tal-AHP għandux jibqa’ jiġi kunsidrat bħala settur wieħed jew le.

Huma saħqu li ħareġ biċ-ċar li d-DIER tilef l-awtonomija tiegħu u għalkemm lesta l-eżerċizzju tar-rikonoxximent ma setax jikkomunika r-riżultat wara li ġie miżmum minn Kastilja.

Insistew ukoll li sal-lum l-Allied Health Professionals igawdu minn ftehim settorali wieħed u meta fis-6 ta’ Ottubru 2016 ġie kkomunikat lil din il-union minn Kastilja li “ir-rikonoxximent ta’ unjin li tirrapreżenta lill-Fiżjoterapisti mhux se jfisser xi ftehim settorali ieħor distint minn dak eżistenti”.

Il-UĦM saħqu li l-ftehim settorjali jkopri ftit aktar minn 1,000 persuna li minnhom il-maġġoranza assoluta huma membri tal-UĦM Voice of the Workers.

Huma sostnew li f’demokrazija m’għandux isir tbagħbis mal-proċess tar-rikonoxximent għax fi kliemhom, tintilef il-fiduċja fid-DIER b’indħil żejjed.

Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers se tkun qed tlaqqa’ lill-kumitat tal-ħaddiema tagħha fil-jiem li ġejjin sabiex tiddeċiedi fuq numru ta’ azzjonijiet industrijali.

Il-UĦM saħqu li Gvern demokratiku għandu jirrispetta x-xewqa tal-maġġoranza li ssieħbu f’union tal-għażla tagħhom u jara li dawn il-professjonisti, bla dewmien, ikollhom titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom kif jixirqilhom.