Lokali

“In-nies l-ewwel” – Adrian Delia, Kap tal-PN

“Irrid Malta aħjar, Malta b’saħħitha fejn saħħet in-nies, u l-livell tal-għajxien tagħhom jiġu l-ewwel.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività għar-residenti tar-raba’ distrett elettorali, parti mill-attivitajiet organizzati mill-PN bħala parti mill-festi tal-Indipendenza, meta din is-sena qed infakkru l-55 sena mill-kisba ta’ Malta Indipendenti.

Adrian Delia qal li l-mod kif il-Gvern għadda romblu minn fuq ir-residenti ta’ Santa Lucija, bit-tqaċċit ta’ mijiet ta’ sigar, li kienu joffru lil din il-lokalità karattru distintiv filwaqt li kienu jipproteġu l-komunità minn dħaħen tal-karozzi, huwa sintomu ta’ Gvern li jagħmel li jrid u li ma jimpurtahx mil-livell tal-għajxien tan-nies.

Huwa qal li l-PN mhux kontra l-iżvilupp, izda dan l-iżvilupp jehtieg isir bi pjan fit-tul, fejn l-interessi tar-residenti jingħataw prijorità. Fuq kollox, l-iżvilupp jeħtieġ isir b’konsultazzjoni mar-residenti li huma l-aktar se jintlaqtu minnu.

Meta l-gvern jinjora l-ħtiġijiet tar-residenti jkun qed iwettaq rigress mhux progress. Adrian Delia spjega kif l-għeluq tal-jogging track u l-open air gym ma kienx meqjus sinjifikanti għall-ERA, u lanqas it-teħid ta’ madwar 4,000 metru kwadru ta’ art agrikola.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif l-Oppożizzjoni qed tagħti prijorità assoluta lill-kwalità tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin, dan fi żmien meta f’pajjiżna għandna sitwazzjoni fejn l-ambjent li nghixu fih qed jiġi ssagrifikat kuljum, u fejn ma jeżisti ebda pjan fit-tul.

Huwa qal li jrid Malta aħjar, fejn saħħet in-nies u l-livell tal-għajxien tagħhom jitpoġġew fuqnett tal-aġenda politika. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista impenjat fi proċess ta’ djalogu fejn, bis-sehem attiv tal-Grupp Parlamentari, ġie mħejji dokument ta’ qabel il-baġit.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed juri kif, bħala gvern alternattiv, se jkun qed jiffoka b’mod prinċipali fuq il-livell tal-għajxien tan-nies. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-PN se jkun qed iressaq proposti konkreti li joffru s-soluzzjonijiet biex nipprezentaw ruħna bl-aqwa mod għall-elezzjoni ġenerali. Dr Delia qal li kapaċi nħarsu l-ambjent u nsolvu l-problemi tat-traffiku, kapaċi nħarsu l-ambjent u noħolqu żvilupp sostenibbli.