Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson qed jikkunsidra li jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija f’każ li d-deputati li qed jippruvaw iwaqqfu sitwazzjoni ta’ no-deal Brexit, din il-ġimgħa, jegħlbu lill-Gvern waqt vot fil-Parlament.
L-aħħar indikazzjonijiet kienu dwar ‘diskussjonijiet’, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street ( Londra), rigward il-possibbiltà li l-Parlament ikun mitlub biex japprova elezzjoni bikrija. L-osservaturi politiċi indikaw li ħaġa bħal din kapaċi ssir ‘aktar speċifika’ sa nofs il-ġimgħa, iżda għalissa ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.
Aktar kmieni llum, l-eks Segretarju għall-Ġustizzja David Gauke qal li l-Gvern ta’ Johnson ‘qed jipprova jeħles’ mid-deputati konservattivi ribelli li qegħdin jopponuh dwar Brexit. Dan meta s-sorsi f’Londra indikaw li għandhom jitwarrbu d-deputati li jivvutaw biex jopponu ‘no-deal Brexit’ (fejn ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim).
Id-deputati fl-Oppożizzjoni fil-preżent qed iħejju biex jintroduċu leġiżlazzjoni bħala impenn biex jevitaw in-‘no-deal’. Dan waqt li Gauke tenna li Boris Johnson qed jipprova ‘jittrasforma lill-Konservattivi biex iżommu l-istess direzzjoni bħall-Partit tal-Brexit ewroxettiku li kien iffurmat ftit xhur ilu’.
Boris Johnson qal li r-Renju Unit irid iħalli l-UE sal-31 ta’ Ottubru bi ftehim jew mingħajru . Id-deputati ta’ kontra n-no deal Brexit, intant, iridu jressqu leġiżlazzjoni kontra din il-possibbiltà fil-Parlament, bid-dettalji mistennija joħorġu dalwaqt.
//= $special ?>