Lokali

Kwart tat-tfal jirċievu messaġġi sesswali fuq l-internet

Fl-aħħar sentejn u nofs kienu investigati kważi 100 każ ta’ abbuż fuq it-tfal bl-internet … li jvarjaw minn tniżżil ta’ ritratti pornografiċi sa relazzjonijiet li jinbnew fuq l-internet bl-għan ewlieni jkun li l-minorenni jagħmel atti sesswali.

Mill-2017 ‘l hawn, is-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, investiga 67 każ li involvew il-pussess u l-qsim ta’ materjal indiċenti tat-tfal, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu jinvolvu każijiet ta’ adulti li jniżżlu l-pornografija tat-tfal. 28 każ ieħor inkludew reati sesswali mwettqa ma’ minorenni.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Pulizija investigat 18-il każ … 10 minnhom rigward materjal indiċenti tat-tfal u tmienja dwar reati sesswali onlajn fuq minorenni.

Studju dwar l-imġieba ta’ tfal bejn il-11 u is-16- il sena fuq l-internet, li ġie ppubblikat riċentement, juri li kwart mit-tfal ta’ din l-età irċivew messaġġi sesswali onlajn u terz ġew sfurzati jagħmlu xi ħaġa li ma riedux.

Ġew investigati wkoll 200 każ dwar Online Hacking u theddid li saru fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.

Mill-2017 ġew investigati 497 każ ta’ użu ħażin ta’ kompjuters u 606 każi ta’ theddid, vjolenza u insulti onlajn.

Barra minn dawn, aktarx hemm aktar każi ta’ abbużi onlajn li jinkludu minorenni, iżda li ma ġewx irrapurtati lill-Pulizija.