Lokali

L-abbuż tad-droga f’Malta jkompli jiżdied

Persuni li jabbużaw mid-drogi u li l-età tagħhom hi qrib l-20 sena huma fost l-aktar li jistgħu jmutu kawża ta’ kumplikazzjonijiet minħabba t-teħid ta’ sustanzi illeċiti.

Dan ħareġ minn informazzjoni ġdida, ippubblikata riċentament, u li weriet kif f’Malta, 40 fil-mija tal-imwiet ikkawżati mid-droga rrappurtati fl-2017 kienu jinvolvu persuni ta’ bejn l-20 u d-29 sena.

Skonti iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ jidher li Malta għandha l-ogħla rata fl-Ewropa għal persuni ta’ din l-età … b’xejra simili ġiet irrappurtata wkoll għall-persuni li għandhom bejn l-40 u 49 sena. Skont l-istess istudju, ħadd taħt l-età ta 20 sena jew ta’ aktar minn 49 sena ma miet kawża tad-droga.

L-imwiet b’doża eċċessiva ta’ droga fl-Ewropa żdiedu għall-ħames sena konsekuttiva, b’rekord fis-sena 2017, hekk kif l-ammont ta’ mwiet kien ta’ 9,461.

Għaldaqstant, it-tnaqqis ta’ mwiet b’rabta mad-droga hi issa meqjusa bħala l-isfida ewlenija għas-saħħa pubblika. Dan meta stħarriġ wara l-ieħor qed juru li ħafna minn dawk li jmutu kawża ta’ dan ikunu ilhom isofru għal snin.


F’Ġunju, permezz tar-rapport annwali tagħha, l-Aġenzija tad-Droga fi ħdan l-Unjoni Ewropea wriet li kważi nofs l-ammissjonijiet relatati mad-droga fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kienu riżultat ta’ abbuż tal-kokaina. Din ir-rata kienet ukoll fost l-ogħla fl-Ewropa.