Internazzjonali

L-Iran iwissi lill-Ewropa fil-kriżi dwar in-nukleari

Ir-reġim f’Tehran qed jhedded li l-Iran lest jieħu ‘pass aktar deċiżiv’ b’li jnaqqas l-impenji rigward il-ftehim nukleari li kien intlaħaq fl-2015 mal-potenzi tad-dinja. Dan f’każ li l-pajjiżi tal-Ewropa ma jiħdux azzjoni biex isalvaw il-patt storiku.

L-Iran qal li għandu ‘jaqbeż wieħed, f’wieħed’ il-limiti imposti fil-ftehim għall-attivitajiet nukleari tiegħu, bl-istqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Tehran iżżid il-pressjoni fuq l-Istati tad-dinja li jridu jsalvaw il-ftehim.

L-Iranjani, intant, qalu li għandhom jieħdu aktar passi sas-6 ta’ Settembru u fejn jistgħu, fost oħrajn, jirraffinaw l-uranju (li kapaċi jintuża fil-produzzjoni tal-armi nukleari) sal-livell ta’ 20 fil-mija.

Fl-istess ħin, kelliema għall-Iran qalu li l-fehmiet tar-reġim Iżlamiku f’Tehran u ta’ Franza dwar il-ftehim nukleari ‘jinsabu eqreb ta’ xulxin’, fil-parti kbira wara telefonati bejn il-President tal-Iran Hassan Rouhani u l-President Franċiż, Emmanuel Macron.