Antoine Saliba ta’ 36 sena ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sitt xhur mill-Maġistrat Josette Demicoli wara li nstab ħati li fil-5 ta’ Awwissu tal-2011, f’Ħaż-Żebbuġ kkaġuna feriti ħfief fuq ċertu Joseph Borg wara li f’argument huwa tah daqqa ta’ zappun.
Il-ġlieda kienet seħħet fuq ħlas ta’ kera u tant kienet kbira li kien hemm min spiċċa bi problemi fir-rukkell ta’ dahru fejn minbarra zappun fil-ġlieda kienu ntużaw ukoll invell u saħansitra ‘pepper spray’. Il-ġlieda seħħet peress li Joseph Borg ma kienx ħallas il-kera dovuta.
L-Ispettur Anthony Cachia qal li kien hemm glieda fi Triq Loreto Cutajar, Ħaż-Żebbug. Mill-filmati gie stabbilit li l-ewwel tnejn minn nies li kellhom xi jgħidu kienu Joseph Borg u Antoine Saliba.
Kien stabbilit mill-istess filmati li kien Saliba li ta’ l-ewwel daqqa ta’ ponn lil Joseph Borg li ħariġlu ħafna demm wara li laqtu fuq għajnejh. Mill-istess filmat jidher li kemm Joseph Borg kif ukoll sħabu li kienu qegħdin bil-qiegħda fuq il-bankina, qamu għalih u bdew jiġru warajh u wara sawwtuh.
L-Ispettur qal ukoll li f’hin minnhom deher wkoll ċertu Silvester Zahra biz-zappun u Joseph Borg b’invell jaghtu lill-Antoine Saliba. Minkejja li l-Ispettur kien affronta lill Antoine Saliba b’dak li deher fil-filmat huwa baqa’ jiċħad li kien ta daqqa ta’ ponn lil Borg. Saliba qal, “dakinhar innutajt li kienu se jqumu għalija xi nies u nnutajt il-‘pepper spray’ f’idejhom.”
L-ispettur Tony Cachia, b’referenza għall-invell qal li waqt l-interrogazzjoni ta’ Joseph Borg dan ikkonferma li dak kien l-invell li bih kien ta diversi daqqiet lill-akkużat Antoine Saliba.
L-Ispettur esebixxa wkoll injama, li meta ġiet murija lil Joseph Borg dan qal li kien raha f’idejn Silvester Zahra dakinhar tal-inċident. It-tabiba Maria Galea qalet li meta eżaminat lil Antoine Saliba huwa kien f’sensih u “kellu ferita fonda, li kienet xi ħames ċentimetri twila u kienet nifdet il-muskoli tan-naħa ta’ wara ta dahru”.
F’dahru fuq in-naħa tax-xellug t’isfel kellu wkoll żewġ strixxi ta’ grif. Hija qalet li fir-rigward ta’ saqajh huwa kellu brix fin-naħa tal-irkoppa tal-lemin u tax-xellug, grif fl-għaksa tan-naħa tal-lemin, biċċa ħġieġa fil-qiegħ ta’ saqajh tan-naħa tax-xellug u grif f’idu l-leminija.
Wara li saritlu CT Scan, ġie eskluż li l-organi ta’ żaqqu ġew imniffdin pero` r-riżultat wera ksur f’waħda mill-ġwienah u waħda mill-irkiekel ta’ dahru, li wara kien stabbilit li kien ir-rukkel numru erbgħa u għalhekk il-ġrieħi ġew klassifikati bħala ta’ natura gravi fil-konfront ta’ Saliba.
Saliba kien qed jiġi akkużat li kkaġuna ferita gravi fuq l-istess Borg, iżda ma nstabx ħati ta’ din l-akkuża. Huwa lanqas ma nstab ħati li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
Saliba kien qal lill-Puliizija li ntuża l-‘pepper spray’. Surġent tal-Pulizija qal fil-Qorti li fuq il-post kien hemm persuna li kellha njama f’idejha li malli rathom tefgħat l-injama f’’pickup truck’ li kellu l-ħġieġ miksur, liema persuna ġiet identifikata minnu bħala persuna li kien fil-grupp.
Kuntistabbli tal-Pulizija qal ukoll li kif waslu fuq il-post quddiem il-bar jismu Ta’Ċikka huma sabu madwar 10 persuni, raġel b’injama f’idu, vann imkisser u raġel iserrah mal-kantuniera li kellu ferita f’dahru. Ix-xhud qal li kien Joseph
Borg li kellu l-injama f’idu u lil Antoine Saliba bħala r-raġel li kellu l-ferita f’dahru. Huwa kompla jghid li kif waslu fuq il-post kif rahom Joseph Borg waddab l-injama fil-vann li kien mimli għodda. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Anthony Cachia u Roderick Agius.