Lokali

Niċċelebraw l-Indipendenza u niddiskutu fejn irridu nieħdu l-pajjiż u n-Nazzjon tagħna

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli jħabbar il-programm tal-attivitajiet għall-55 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza

“Fl-anniversarju tal-55 sena mill-kisba tal-Indipendenza, għandna niċċelebraw dan l-avveniment importanti għal pajjiżna filwaqt li naraw fejn qegħdin u fejn sejrin bħala pajjiż u nazzjon.”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli meta ħabbar il-programm sħiħ tal-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista għall-festi tal-Indipendenza, bil-qofol ikun il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Adrian Delia fil-mass meeting tal-20 ta’ Settembru.

Clyde Puli qal li 55 sena ilu, l-Indipendenza li gab b’tant għaqal il-Partit Nazzjonalista għamlet possibbli l-iżvilupp ta’ pajjiżna, bħala nazzjon sovran, b’rajh f’idejh, b’identità mediterranja u Ewropea fejn inpoġġu flimkien mal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet. L-Indipendenza ta’ pajjiżna għamlet possibbli wkoll li matul is-snin nibnu ekonomija b’saħħitha, li nibnu fuq l-unika riżorsa li għandu pajjiżna li huma n-nies. Huwa qal li 55 sena ilu, għamilna din il-kisba importanti għal pajjiżna bil-ħidma ta’ ħafna u bl-għaqal tal-Partit Nazzjonalista, iżda l-indipendenza tagħna rridu nħarsuha kuljum.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li llum aktar minn qatt qabel qed jinħass il-bżonn ta’ pjan fit-tul għal pajjiżna, flimkien mal-imsieħba soċjali, li jagħti direzzjoni sostenibbli. Dan sabiex ma nitilfux l-identità tagħna bħala poplu u pajjiż, il-valuri li jsawruna u s-sens ta’ komunità li jżommna flimkien u mixjin ‘il quddiem. Clyde Puli qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern, li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni qed iħalli impatt negattiv, bil-qerda ambjentali, l-iskart esaġerat, iż-żieda qawwija ta’ karozzi fit-toroq, it-tniġġis tal-ajru u n-nuqqas ta’ spazji miftuħa. Huwa qal li matul dawn il-festi, l-PN se jkun qed jitkellem ukoll fuq ir-reputazzjoni ta’ pajiżna u fuq il-bżonn li nħarsu d-demokrazija, li tiffunzjona biss meta jkollna istituzzjonijiet li jkunu verament indipendenti.

Din is-sena l-qofol tal-attivitajiet se jkunu qegħdin isiru quddiem id-Dar Ċentrali, f’deċiżjoni li Clyde Puli ddeskriva bħala waħda għaqlija u responsabbli, li ma tkomplix iżżid mal-piżijiet finanzjarji tal-partit u fl-istess ħin jiġu tiġi ċċelebrata kif jixraq il-festa tal-Indipendenza.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli ta id-dettalji tal-programm tal-festi, li se jibdew mil-lejla u li huma miftuħin għaż-żgħażagħ u l-familji kollha. Matul din l-edizzjoni tal-festi tal-Indipendenza, se jkun hemm programm varjat minn riċevimenti fid-distretti elettorali kollha sa’ kunċert quddiem id-Dar Ċentrali mit-tribute band tad-Duran Duran, li se jkunu qegħdin idoqqu fl-20 ta’ Settembru.
Matul il-festi tal-Indipendenza se jittella’ wkoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior. Se jsiru wkoll numru kbir ta’ attivitajiet sportivi mtella’ minn TIMSport PN li jinkludu fost l-oħrajn mixja u ġirja li se ssir fil-11 ta’ Settembru, kif ukoll dixxiplini sportivi bħalma huma cycling, handball, table tennis, basketball u waterpolo fost ħafna oħrajn. Dan apparti attivitajiet oħra bħal clean-up, tħawwil ta’ siġar, żjara lill-anzjani, għoti tad-demm u sessjonijiet mużikali fil-foyer tad-Dar Ċentrali.

Fid-9 ta’ Settembru fid-Dar Ċentrali se tittella’ wirja tal-arkivji ta’ Nerik Mizzi. Se ssir ukoll esibizzjoni ta’ ritratti mill-fotografi ta’ Media.Link Communications u diskussjoni politika dwar il-mixja tal-pajjiż mis-7 ta’ Ġunju 1919 sal-lum. Id-diskussjonijiet politiċi se jittellgħu l-Erbgħa 18 u l-Ħamis 19 ta’ Settembru bis-sehem tal-Kap tal-PN Adrian Delia, u l-mass meeting quddiem id-Dar Ċentrali, l-Ġimgħa 20 ta’ Settembru. Is-Sibt 21 ta’ Settembru se jsir riċeviment fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema għall-attivisti u l-ġimgħa ta’ wara se jsir riċeviment ieħor f’Għawdex għall-attivisti Għawdxin.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kien akkumpanjat mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar u l-Kordinatur Politiku Jean Pierre Debono.