Roma għalqu żewġ trasferimenti ta’ livell fl-aħħar ġurnata tas-suq tat-trasferimenti hekk kif akkwistaw lil Henrikh Mkhitaryan b’self mingħand Arsenal u lill-attakkant Nikola Kalinic b’self ukoll.
Mkhitaryan wasal f’Ruma lbieraħ fejn għamel l-eżami mediku wkoll. Huma ħallsu lil Arsenal €3 miljuni tas-self, bil-ftehim ma jidhirx li nkluda d-dritt li l-plejer jiġi akkwistaw b’mod permanenti.
Il-midfielder ingħaqad ma’ Arsenal f’Jannar tas-sena l-oħra bħala parti mill-ftehim li fih Alexis Sanchez ingħaqad ma’ Manchester United. Fiż-żmien tiegħu li lagħab mal-Gunners, Mkhitaryan skorja disa’ gowls f’56 logħba, bl-aħħar logħba tkun proprju l-Ħadd kontra Tottenham.
Kalinic ingħaqad mingħand Atletico Madrid b’self ta’ €2 miljuni iżda bid-dritt li jinxtara għal €9 miljuni. Hu se jilbes il-flokk numru 19 u mistenni jservi ta’ sostitut għal Edin Dzeko.
L-akkwist ta’ Kalinic wassal biex Patrik Schick ingħaqad ma’ Leipzig b’self għal staġun. Il-Ġermaniżi għandhom l-għażla li jixtru l-plejer għal €29 miljun jekk Leipzig jikkwalifikaw għall-edizzjoni li jmiss tal-UEFA Champions League.
//= $special ?>