Lokali

“Bnejna l-qasam tas-servizzi finanzjarji u mhux se nħallu lill-Gvern iħottu” – Adrian Delia

“Ir-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna indukrat is-settur tas-servizzi finanzjarji, li gawda fama tajba għal snin twal. Dan kollhu jinsab fir-riskju li jinħatt minħabba reputazzjoni laxka li qed jieħu pajjiżna. Dan mhux tort tal-ħaddiema, li jagħmlu xogħolhom b’ħila kbira, iżda jaħti l-Gvern bl-għemil tiegħu, qed idgħajjef ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività għar-residenti tat-tmien distrett elettorali, parti mill-attivitajiet organizzati mill-PN bħala parti mill-festi tal-Indipendenza.

Adrian Delia qal li Gvernijiet Nazzjonalisti ħadmu kemm felħu sabiex pajjiżna welled l-industrija tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, li llum timpjega eluf ta’ ħaddiema. Dan is-settur attira lejn Malta ismijiet kbar u ta’ reputazzjoni dinjija, li taw isem mill-aqwa lil pajjiżna f’dan is-settur. Dan sar f’qafas ta’ liġijiet, u regolamenti, li ħarsu dan is-settur li kiber ħafna matul is-snin. Huwa qal li ftit tal-granet ilu, l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għamel dikjarazzjoni inkwetanti, u daqstant ieħor irresponsabbli, meta The Telegraph staqsew lill-Ministru dwar il-problemi fl-MFSA, u problemi oħra relatati mal-ħasil tal-flus f’pajjiżna. Ma’ The Telegraph, Edward Scicluna qal li kulħadd għandu dawn il-problemi minflok ma wera li se jkun qed jindirizza dawn id-diffikultajiet b’serjetà kbira.

Adrian Delia qal li jekk il-Ministru Scicluna ma jinteressahx, l-eluf ta’ żgħażagħ u professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-servizzi finanzjarji jinteressahom mir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, liema reputazzjoni qed tigi mtappna bl-għemil tal-Gvern li qed thedded il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżna. Huwa qal li x-xogħol tal-ħaddiema Maltin f’dan il-qasam ilaħħaq l-eluf u minnu jaqilgħu l-għajxien tagħhom eluf ta’ familji oħra li jgawdu l-effett tajjeb li jiġġenera l-qasam tas-servizzi finanzjarji. Dan il-qasam jiddependi minn tliet fatturi ewlenin li mingħajrhom ma jistax ikompli jagħmel success: Il-ħiliet tal-ħaddiema li jaħdmu fih; qafas regolatorju li jħares dan il-qasam u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif il-ħiliet tal-ħaddiema huma ħafna u maghrufin mad-dinja kollha. Il-liġijiet li jħarsu dan il-qasam taw riżultati tajbin għal snin twal, iżda meta jkollok gvern li jgħaddi romblu minn fuq l-istess regolamenti dan il-qasam jitpoġġa f’periklu. Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tħoll u torbot jekk dan il-qasam ikomplix jikber u jagħmel suċċess.

Adrian Delia qal li meta jsiru dikjarazzjonijiet irresponsabbli, bħalma għamel Edward Scicluna, u meta jkollok sensiela ta’ skandli politiċi, l-qasam tas-servizzi finanzjarji jieħu daqqa ta’ ħarta kbira, iżda sfortunatament dan il-gvern mhu qed juri l-ebda interess li jħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Quddiem dan kollu, l-Partit Nazzjonalista se jkompli jħares l-interessi tal-ħaddiema f’dan il-qasam u jagħmel proposti serji u studjati sabiex il-qasam tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna jiġi mħares u jissaħħaħ qal Adrian Delia. Permezz tad-dokument ta’ qabel il-baġit, se nressqu proposti għat-tisħiħ tas-settur tas-servizzi finanzjarji. Huwa qal li għall-PN, n-nies u l-għajxien tagħhom jiġu l-ewwel.