Futbol Sport

Birkirkara jagħlqu s-suq tat-trasferimenti bl-akkwist ta’ Ryan Fenech

(Ritratt: Joseph Galea)

Birkirkara għalqu s-suq tat-trasferimenti b’akkwist ieħor hekk kif laħqu ftehim uffiċjali ma’ Sliema Wanderers u rreġistraw lill-midfielder Ryan Fenech. Birkirkara kienu l-aktar attivi f’dan is-suq tat-trasferiment iżda minkejja l-investiment li għamlu, bdew b’żewġ telfiet fil-kampjonat kontra Floriana u Senglea Athletic.

Ryan Fenech hu plejer ta’ esperjenza fil-Kampjonat Premier u żgur li se jagħti kwalità differenti lit-tim immexxi minn John Buttigieg. Fenech iffirma l-ewwel kuntratt professjonali ma’ Ħamrun Spartans lura fl-2004. Hu dam mal-Ispartans sa Jannar tal-2011 b’eċċezzjoni għall-istaġun 2009/10 meta lagħab b’self ma’ Sliema Wanderers.

Fil-bidu tal-2011, Ryan Fenech ingħaqad ma’ Valletta u wara sena kalendarja lagħab it-tieni nofs tal-istaġun 2011/12 b’self ma’ Sliema. Mal-Beltin hu lagħab għal tliet staġuni tispikka d-doppjetta li għamlu fl-istaġun 2013/14.

Fl-2015 ingħaqad ma’ Balzan iżda l-esperjenza ta’ tliet staġuni ma’ dan it-tim kienet diffiċli minħabba diversi injuries li kellu. Fis-sajf tas-sena l-oħra, il-midfielder ta’ 33 sena rritorna ma’ Sliema Wanderers u ġej minn staġun pożittiv. Hu lagħab fiż-żewġ logħbiet tas-Slimiżi f’dan l-istaġun.

Ryan Fenech sar it-12-il akkwist ta’ Birkirkara f’dan is-suq tat-trasferimenti wara l-plejers Maltin Roderick Briffa, Nicky Vella u Yannick Yankam kif ukoll il-barranin Miguel Alba, Enrico Pepe, Isaac Ntow, Edison Luis dos Santos, Federico Falcone, Oscar Matias Carniello, Henrique Caio u Jefferson Ferreira.