Sport Sport Ieħor

FILMAT: Il-President ta’ Marsamxett jilmenta mid-dewmien biex titranġa s-slip minn fejn ivaraw id-dgħajjes

Hekk kif din il-ġimgħa ssir ir-Regatta Tradizzjonali tat-8 ta’ Settembru, l-attenzjoni ta’ ħafna dilettanti ddur fuq dan l-isport. Kull klabb ikollu d-diffikultajiet tiegħu, iżda klabb partikolari li għandu d-diffikultajiet huma l-klabb ta’ Marsamxett.

Il-President tal-klabb Jesmond Debattista tkellem l-aktar żewġ diffikultajiet li għandhom. “Naħseb aħna l-unika klabb ġo Malta bla sponsor u ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk jiġifieri għandna problema kbira. Il-Belt hemm minn kollox u ma nistgħux insibu sponsor li jgħina finanzjarjament tajjeb fil-klabb.”

Debattista tkellem ukoll dwar is-slip li ġarrbet ħsarat estensivi wara l-grigalata ta’ Frar li għadda li tagħmilha diffiċli meta jiġu biex itellgħu jew iniżżlu d-dgħajjes tagħhom. “Ilhom se jirranġawulna, dak li jgħidilna għand dak, xbajna niġru għadu kif kien, issa dieħel ix-xitwa, irranġajnih kif stajna aħna imma m’hemm xejn sew anki jekk jaqa’ bniedem il-baħar, hawnhekk tiġi l-ferry jiġu ħafna turisti jista’ jweġġa’ wkoll.”

(Ritratt: Matthew Tabone)

Id-distrett ta’ Marsamxett mhux qed iħares li jirbaħ ix-Shield ta’ Jum il-Vitorja ta’ din is-sena minħabba li bħala klabb mhumiex kompluti iżda jeżisti ottimiżmu li jistgħu jħabbtuha ma’ klabbs oħra f’tiġrijiet partikolari fosthom dik tad-dgħajsa ta’ bi tnejn kif ukoll id-dgħajsa ta’ b’erbgħa.

It-tim Belti baqa’ prattikament kif kien minn sena ilu, b’Sean Schembri jingħaqad magħhom mingħand Birżebbuġa filwaqt li Rhys Fiteni ngħaqad ma’ Marsa. Marsamxett rebħu r-Regatta ta’ Jum il-Vitorja darbtejn fl-istorja tagħhom, fl-2006 u fl-2007.