Futbol Sport

FILMAT: L-unika stilla tat-tim Malti hu jekk nilagħbu flimkien – Ray Farrugia, kowċ nazzjonali

Illum it-tim nazzjonali Malti wasal fin-Norveġja fejn għada se jkun qed jilgħab kontra n-Norveġja f’Ullevaal Stadium. It-tim Malti kellu l-ewwel sessjoni illum f’Oslo qabel is-sessjoni uffiċjali fl-istess stadium tal-logħba għada.

F’intervista mal-ġurnalist sportiv ta’ Net Television Christian Micallef, il-kowċ nazzjonali Malti Ray Żażu Farrugia saħaq dwar l-importanza li jiġu ntrodotti plejers żgħażagħ għaliex reġa’ qal li “dawn huma l-futur għall-futbol Malti u qed nippruvaw nibnu bażi għall-futur. Dan abbli ma ngawdihx jien imma nispera li min jiġi minfloki, igawdi l-futur li qed nippruvaw nibnu bħalissa.”

Ray Farrugia bl-aktar mod onest qal li t-tim Malti ma għandux stilel għaliex ma jistax jiddependi minn plejer li se jibdel l-andament tal-logħba. Hu kompla li l-unika stilla hi jekk jilagħbu flimkien u jkunu kompatti. “Aħna li għandna aħna jekk toqgħod tikkalkula, 56 plejers minn fejn tagħżel. Din hi l-verità għax aħna nistgħu ngħidy li rridu. Issa jekk ikollok xi injuries, Jonathan Caruana, Matthew Guillaumier, żewġ plejers importanti. Din hi r-realtà rridu nifhmu li l-limitazzjonijiet tagħna qegħdin hemm, aħna ma għandniex stilel u rridu nilagħbu bħala tim. Dak hu l-istilla tagħna t-23 plejer li għandna fl-iskwadra,” kompla Farrugia.

Il-kowċ nazzjonali għamel referenza dwar in-nuqqas ta’ Michael Mifsud fl-iskwadra. “Michael kieku hu parti mill-iskwadra kieku qed jilgħab. Fehem li mhux qed jilgħab però Michael, jekk jerġa’ jibda jilgħab, żgur ħa jkun parti mill-iskwadra ta’ 23 plejer.” Farrugia qal li kellem lil Michael qabel waslu n-Norveġja. Hu żied li jaf Mifsud x’ta lill-futbol Malti u saħaq li jrid jiġi rrispettat dan fejn sejjaħlu ikona tal-futbol Malti. Iżda tenna l-importanza li jkun qed jilgħab il-futbol.

Dwar in-Norveġja, Ray Farrugia qal li huma studjawhom kemm setgħu u raw il-logħbiet kollha tagħhom. “Dawn jilagħbu ħafna kif jilagħbu l-Iżvezja. Dawn is-sistema tagħhom qatt ma bidluha kemm ilhom b’dan il-kowċ, is-sistema baqgħet l-istess jiġifieri kontrina mhux se jibdluha.” Hu kompla li għandhom plejers tajbin fl-arja u attakkanti tajbin li jilagħbu f’kampjonati maġġuri. Il-kowċ Malti qal li qed jippreparaw l-aħjar li jistgħu u l-plejers jidhru ffukati.

Skwadra ta’ 23 plejer

Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta), Justin Haber (Gżira United), Andrew Hogg (Birkirkara)

Difensuri: Andrei Agius (Hibernians), Ferdinando Apap (Hibernians), Steve Borg (Valletta), Joseph Mbong (Hibernians), Karl Micallef (Ħamrun Spartans), Zach Muscat (Pistoiese), Jurgen Pisani (Floriana), Dexter Xuereb (Mosta), Joseph Zerafa (Valletta)

Midfielders: Triston Caruana (Ħamrun Spartans), Juan Corbalan (Gżira United), Paul Fenech (Balzan), Luke Gambin (Colchester), Jake Grech (Hibernians), Nikolai Muscat (Gżira United), Rowen Muscat (Valletta), Dunstan Vella (Hibernians)

Attakkanti: Alfred Effiong (Balzan), Jean Paul Farrugia (Sliema Wanderers), Kyrian Nwoko (Valletta)