Internazzjonali

Stati Uniti: Jiżdiedu l-vittmi tan-nirien fuq dgħajsa

Il-gwardjani tal-kosta Amerikani kkonfermaw li nstabu 25 katavru wara li dgħajsa kummerċjali li kienet qed tintuża mill-bugħaddasa ħadet in-nar ‘minn tarf sa tarf’ – bil-kaġun tat-traġedja jibqa’ mhux magħruf.

Id-dgħajsa, bl-isem ‘The Conception’, inqerdet kompletament waqt li kienet ankrata (matul il-lejl) ftit metri ‘il barra mill-gżira ta’ Santa Cruz (lejn il-punent ta’ Los Angeles) f’Kalifornja.

Dan b’konsegwenza li d-dgħajsa spiċċat fil-parti kbira mgħarrqa — bir-rapporti jgħidu li ‘għad fadal disa’ persuni neqsin’ u li rnexxielhom isalvaw ħames membri tal-ekwipaġġ.

Bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijiet biex isir magħruf x’seta’ ikkaġuna n-nirien. Dan waqt li l-awtoritajiet ikkonfermaw li kien hemm 39 persuna fuq id-dgħajsa fil-ħin meta qabdet.

It-traġedja b’’The Conception’ qed tissemma fost l-agħar ta’ dan it-tip li qatt seħħew fl-Istati Uniti fi żmenijiet moderni.

Għalissa, l-indikazzjonijiet huma li xi passiġġieri setgħu kienu reqdin fil-parti t’isfel tad-dgħajsa meta qabdu n-nirien u ma rnexxilhomx ‘joħorġu’ waqt l-agħar tal-emerġenza.

In-nies li salvaw setgħu kienu reqdin fil-kabina ewlenija ta’ ‘The Conception’ u x’aktarx li kellhom ħin biżżejjed biex jaqbżu mid-dgħajsa. Ftit wara waslet fuq il-post opra tal-baħar bl-isem ‘The Grape Escape’ li ġabret lin-nies mill-baħar.

Rapporti oħrajn irreferew għal ‘sensiela ta’splużjonjiet’ mid-dgħajsa waqt l-eqqel tan-nirien, b’xi sorsi jgħidu li dan seta’ kien dovut għal xi tankijiet tal-ossiġnu jew propane li setgħu splodew minħabba l-fjammi.

Mill-banda l-oħra, l-awtoritajiet qalu li ma kien  hemm l-ebda sinjal li n-nirien setgħu seħħew ‘minn xi splużjoni’ u anki qed jiddubitaw jekk, fil-fatt, ‘seħħewx l-isplużjonijiet irrappurtati’. Dan meta qed jingħad li d-dgħajsa meqruda, li kienet qed tintuża għal charters mill-gruppi tal-bugħaddasa, ‘kienet kompletament konformi mar-regoli tas-sigurtà’.

L-awtoritajiet qablu wkoll li dik is-sitwazzjoni ta’ nirien kienet ‘l-agħar xenarju’ li wieħed jista’ jinzerta fuq dgħajsa ankrata matul il-lejl u f’ċirkustanzi meta jkun hemm in-nies reqdin abbord.