Lokali

AĠĠORNATA: Ingliż ta’ 50 sena jitlef ħajtu fir-Ramla l-Ħamra

Raġel Ingliż ta’ 50 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum fir-Ramla l-Ħamra, Għawdex.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar bir-raġel jidher mitluf minn sensieh fil-baħar. Hu ttella’ fuq il-bajja minn xi nies li kienu jinsabu fuq il-bajja iżda ġie ddikjarat mejjet fil-post.

Dan wara li l-membri tal-Emergency Response & Rescue Corps, li jgħassu l-bajja, għamlu minn kollox biex taw l-ewwel għajnuna tagħhom.

Mal-vittma kien hemm għawwiem ieħor, raġel Igliż ta’ 51 sena li wkoll ittella’ mill-baħar hekk kif kien f’diffikultà. Hu ttieħed lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura, fejn jidher li l-kundizzjoni tiegħu hija waħda stabbli

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, waqt li dwar dan il-każ inħatret ukoll inkjesta maġisterjali milll-Maġistrat Bridgette Sultana.

L-ewwel indikazzjonijiet huma li l-bajja kienet magħluqa fil-ħin tal-inċident, hekk kif il-membri tal-Emergency Response & Rescue Corps kienu qed itajjru żewġ bnadar ħomor. Din hi twissija li tfisser li għas-sigurtà tal-għawwiema, ħadd mhu permess li jkun fil-baħar hekk kif il-kundizzjonijiet ikunu perikolużi.