Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, Carrie Lam, ċaħdet kategorikament li hi qatt offriet li tirriżenja mill-kariga, wara li ħareġ rekording privat bil-messaġġ li ‘hi kienet lesta biex tieħu dan il-pass li kieku setgħet’.
F’dan ir-rekording – waqt laqgħa privata għall-kapijiet tal-kummerċ u li kienet preżenti għaliha l-Kap Eżekttiv ta’ Hong Kong — Carrie Lam tinstama’ tgħid li ‘kieku kellha l-għażla hi kienet tkun lesta biex tirriżenja immedjatament ( mit-tmexxija ta’ Hong Kong)’.
Ir-rekording jinkludi anki stqarrija fejn hi ‘twaħħal fiha nnfisha għall-kriżi politika ta’ Hong Kong’ u fejn ‘ma tistax taħfer lilha nnfisha għall-fatt li setgħet toħloq dak il-kaos kollu’.
Sadanittant, Lam insistiet li hi, fl-ebda ħin, ma preżentat ir-riżenja – għalkemm ma ċaħditx ‘għall-awtentiċità’ tar-rekording.
Carrie Lam, saħqet li hu ‘totalment inaċċettabbli’ li r-rimarki tagħha, li saru fil-privat, setgħu jispiċċaw irrekordjati u ċirkolati fost il-membri tal-istampa.
Għaldaqstant hi għamlitha ċara ‘li lanqas biss ikkunsidrat li tiddiskuti xi aspetti ta’ riżenja’ filwaqt li insistiet li trid tgħin lill-poplu ta’ Hong Kong f’din is-sitwazzjoni diffiċli.
It-territorju ta’ Hong Kong, li jgawdi livell ta’ awtonomija miċ-Ċina komunista, ilu x-xhur għaddej bil-protesti kontra l-Gvern li kienu dovuti għall-bidliet proposti f’liġi biex tippermetti l-estradizzjoni tar-residenti (f’Hong Kong) lejn iċ-Ċina għal kwistjonijiet ġudizzjarji.
Filwaqt li l-abbozz inkwistjoni spiċċa friżat, id-dimostranti f’Hong Kong fl-aħħar ġimgħat organizzaw il-protesti tal-massa (u kultant vjolenti ) fost is-sejħet għal ‘inkjesta indipendenti dwar il-brutalità tal-pulizija’ u biex Hong Kong igawdi minn aktar demokrazija.
Carrie Lam, li kienet introduċiet l-imsemmi abbozz kontroversjali, spiċċat mira għall-ħafna mir-rabja kbira tad-dimostranti f’Hong Kong. Madankollu, l-Uffiċċju responsabbli mill-Politika taċ-Ċina f’Hong Kong, insista, illum, bl-appoġġ tiegħu għall-Kap Eżekuttiv tat-territorju.
//= $special ?>