Internazzjonali

Iċ-Ċina: Jinqatlu tmint itfal f’attakk barra skola

Il-bidu tas-sena skolastika ma setax ikun aktar terribbli għar-residenti fil-provinċja Ċiniża ta’ Hubei, fejn tmint itfal spiċċaw maqtula brutalment barra skola primarja waqt l-ewwel jum tal-lezzjonijiet wara l-btajjel tas-sajf.

Il-pulizija qalu li arrestaw raġel ta’ 40 sena ‘fis-sit fejn seħħ ir-reat’, iżda l-uffiċjali ma ddeskrivewx il-mod kif inqatlu t-tfal – bl-iskopijiet tal-aggressur lanqas ma jkunu ċari.

L-awtoritajiet lanqas ma żvelaw l-etajiet tal-vittmi, iżda magħruf li l-etajiet tat-tfal li jattendu dik l-iskola partikulari jvarjaw bejn is-sitta u t-tlettax il-sena.

Fl-aħħar snin kien hemm diversi attakki ‘ta’ profil għoli’ fuq it-tfal tal-iskola fiċ-Ċina.

F’April tas-sena l-oħra, disa’ studenti kienu spiċċaw maqtula b’daqqiet ta’ sikkina waqt li kienu mexjin lura d-dar mill-iskola, fil-provinċja ta’ Shaanxi, lejn il-majjistral tal-pajjiż. Il-qattiel – eks student ta’ dik l-iskola li kellu 28 sena – kien ingħata l-piena massima għall-omiċidji xokkanti.

Intant, id-dehra ta’ gwardjani armati quddiem il-kumplessi tal-iskola saru xi ħaġa komuni fiċ-Ċina, fejn l-awtoritajiet qegħdin iwaħħlu l-attakki partikulari ‘fuq iż-żieda fit-tensjoni soċjali’ fil-pajjiż.