Sport Waterpolo

Il-captain ta’ Neptunes Niki Lanzon se jirtira fi tmiem l-istaġun

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-captain ta’ Neptunes Niki Lanzon se jkun qed jirtira fi tmiem l-istaġun. L-aħbar tħabbret b’mod uffiċjali fuq il-paġna tal-klabb, bl-aħħar logħbiet tiegħu se jkunu l-finali tal-play-off għar-rebħ tal-kampjonat kontra Sliema.

Niki Lanzon hu meqjus leġġenda tal-waterpolo lokali. Aktar tard dan ix-xahar hu jagħlaq 39 sena u ilu 24 sena jilgħab ma’ Neptunes. Hu stabilixxa ruħu bħala punt ta’ riferiment fit-tim u wieħed mill-aqwa plejers taż-żmien tiegħu fejn fl-aħħar snin serva ta’ ispirazzjoni għal diversi żgħażagħ speċjalment dawk ta’ Neptunes.

Hu fforma parti mill-aqwa żmien fl-istorja ta’ Neptunes b’rebħ ta’ disa’ kampjonati li ħamsa minnhom kienu konsekuttivi bejn l-2010 u l-2014, sitt darbiet in-knock-out, disa’ darbiet it-Tazza tal-President, tmien darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa.

B’mod personali hu rebaħ darbtejn il-Plejer tas-Sena tal-ASA fl-2001 u fl-2004 u kien il-captain tat-tim Malti li kkwalifika għall-Kampjonat Ewropew li sar f’Belgrad fl-2016 fejn wara dan it-tournament kien iddeċieda li jirtira mit-tim nazzjonali wara karriera twila.