Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, warrab għall-possibbiltà li qatt isiru t-taħditiet bilaterali mal-Istati Uniti.
Waqt li kien qed ikellem lid-deputati f’Tehran, Rouhani sostna li ‘kien hemm ħafna offerti għal dawn it-taħditiet iżda t-tweġiba, min-naħa tal-Iran, dejjem għandha tkun fin-negattiv’. Hu kompla li l-issue tat-taħditiet bilaterali ma teżistix fuq l-aġenda ‘fi prinċipju’.
Madankollu, il-President Iranjan qal ukoll li pajjiżu għandu jaqbel li jidħol mill-ġdid f’sessjoni ta’ taħditiet multilaterali, li kieku kellhom jintneħħew is-sanzjonijiet kollha tal-Amerikani fuq l-Iran.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump , jiem ilu, qal li hu dispost biex jinnegozja mill-ġdid il-ftehim nukleari storiku tal-2015 bejn l-Iran u l-potenzi tad-dinja u li Trump innifsu kien warrab għalih, is-sena l-oħra, fost l-impożizzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet għar-reġim Iżlamiku f’Tehran.
L-Istati firmatarji l-oħra għall-ftehim – ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, iċ-Ċina u r-Russja – fl-aħħar xhur għamlu li setgħu biex isalvaw il-patt storiku. Madankollu, is-sanzjonijiet li saru fuq l-inizjattiva ta’ Trump wasslu għall-kollass tal-esportazzjoni taż-żejt mill-Iran, bil-valur tal-kambju għall-Iranjani jieħu daqqa kbira ‘l isfel. Dan waqt li l-inflazzjoni fl-Iran sparat ‘il fuq b’mod allarmanti.
Sadanittant, Hassan Rouhani hedded li l-Iran għandu jieħu ‘tielet pass mhux speċifikat’ f’każ li l-pajjiżi tal-Ewropa, sa nhar il-Ħamis, ma jkunux ħadu azzjoni biex jipproteġu lill-ekonomija tal-Iran mill-effetti tas-sanzjonijiet.
Dan is-sajf, l-ispetturi mill-International Atomic Energy Agency (IAEA) ikkonfermaw li l-Iran kien beda jirrafina l-uranju ( li jista’ jintuża fil-produzzjoni tal-armi nukleari) sa ‘il fuq mil-limitu ta’ 3.67 fil-mija mfassal mill-ftehim nukleari – bl-Iranjani anki jaqbżu l-limitu ta’ 300 kilogramma fil-ħażna tal-uranju raffinat.
//= $special ?>