Lokali

Il-problema tal-‘massage parlours’ f’pajjiżna

Il-prostituzzjoni f’Malta mhix illegali. Imma li titlajja b’intenzjoni huwa llegali. Kif inhu illegali wkoll li żżomm lil xi ħadd kontra r-rieda tiegħu għall-prostituzzjoni, anki jekk inizjalment persuna tat il-kunsens tagħha.

Dan intqal fl-Editorjal tat-Times of Malta tat-Tlieta illi spjega kif dan is-settur sar mimli inċertezza morali, legali u soċjali. Linji rqaq ħafna bejn dak li hu sfruttament tan-nisa u dak li mhuwiex.

L-Editorjal irrikonoxxa dak li qed jinsisti fuqu l-Partit Nazzjonalista; cioe li  d-deċiżjoni tal-gvern li jneħħi l-liċenzji f’dan is-settur tad-“divertiment” kienet wahda ħażina. Il-konsegwenzi mhumiex biss il-prostituzzjoni rampanti, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament tan-nisa taħt il-kappa tal-‘message parlours’, iżda wkoll, it-tixrid ta’ mard trażmess sesswalment. 

Fil-fatt, kienu bosta dawk li fl-aħħar jiem qalu li hemm il-ħtieġa li jkun hemm kontrolli tas-saħħa għall-ħaddiema li jaħdmu f”massage parlours’.

L-Editorjal kompla li n-nuqqas ta’ regolamenti qed jippermetti li s-settur kollu jopera b’mod li mhuwiex ġust. U hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata tal-Gvern… ikkoordinata mal-forzi tal-ordni.

L-Editorjal għalaq billi qal li hemm bżonn ukoll ta’ aktar kontrolli fuq l-aspetti serji tas-saħħa pubblika u anke fuq it-traffikar tal-bniedem.