Wayde van Niekerk ikkonferma li mhux se jiddefendi t-titlu tal-400 metru fil-Kampjonat tad-Dinja li se jsir f’Doha dan ix-xahar, hekk kif għadu jrid jirkupra minn uġigħ fl-irkoppa. Ir-rebbieħ Olimpiku weġġa’ f’Ottubru tal-2017 waqt li kien qed jilgħab logħba touch rugby f’attività tal-karità u minn dakinhar għadu ma kkompetix fix-xena internazzjonali.
L-atleta mill-Afrika ta’ Isfel irritorna fl-azzjoni b’suċċess fi Bloemfontein wara kważi 17-il xahar. Van Niekerk ta’ 27 sena rritorna għat-taħriġ riċentament, iżda wara li tilef il-Logħob tal-Commonwealth fl-Awstralja s-sena l-oħra, se jitlef il-Kampjonat tad-Dinja fil-Qatar bħala prekawzjoni.
“Jien pożittiv u qed nieħu l-affarijiet ġurnata b’ġurnata. Qed nirrispetta dak li qed jgħidli t-tabib u qed nisma’ x’jgħidli ġismi u nimxi minn hemm. Għalissa mhux qed ngħaġġel jew inpoġġi l-pressjoni fuqi,” qal l-atleta.
Van Niekerk li għandu r-rekord tad-dinja u fl-Olimpjadi tal-400 metru, kellu ħarstu lejn it-tielet titlu mondjali konsekuttiv wara li ngħata wild card għall-avveniment. It-tabib tiegħu li kien qed isegwi r-rijabilitazzjoni fl-aħħar sentejn, jemmen li fix-xhur li ġejjin se jagħmel aktar progress mgħaġġel.
L-atleta ta’ 27 sena kien qed jittama li jiġri waqt il-Kampjonat ta’ pajjiżu f’April li għadda u qabeż ukoll ir-ritorn fid-Diamond League ta’ Londra f’Lulju. Fl-aħħar Olimpjadi, Van Niekerk kiser ir-rekord dinji ta’ Michael Johnson li kien ilu 17-il sena.
//= $special ?>