Minn eta’ zgħira niġu mgħallma li b’ambjent soċjali b’saħħtu bejnietna, ahna kapaċi ntejbu l-ambjent naturali li ngħixu ġo fih. Dan għaliex meta ningħaqdu flimkien ma’ nies b’fehmiet simili tagħna, l-għajta taghna tinstema’ aktar.

Konxji mhux biss mill-bżonn li jżommu ruħhom attivi fiżikament, iżda wkoll mir-responsabbilta’ tagħhom li jieħdu hsieb l-ambjent ta’ madwarhom u jtejbuh b’ħilithom kollha, l-Imtarfa Youth Nursery poġġew dak li tgħallmu fil-prattika billi inawguraw l-inizzjattiva #SaveTheEnvironmentTogether.
Waqt l-ewwel minn numru ta’ avvinimenti li qed jittellgħu matul dan l-istaġun sportiv, il-coaches u plejers t’etajiet żgħar ingħaqdu flimkien mal-ġenituri tagħhom fi Clean-Up Day f’diversi postijiet madwar Malta.

B’riżultat ta’ dan, fis-26 t’Awwissu, inġabru mal-15-il borża ta’ materjal riċikklabbli li l-għada kienu fi triqthom lejn il-Pjanta ta’ Trattament ta’ Sant’Antnin.


Il-parteċipanti issokktaw billi waħħlu numru ta’ posters fl-istadiums tal-futbol fejn jilgħabu s-soltu “Hemm bżonn insalvaw il-pjaneta tagħna – Irriċiklaw il-plastik jew użaw materjali biodegredabbli”.
Tkellimna ma’ waħda mill-coaches, Antoinette Vella Barthet, li tinsab “kburija b’kemm il-membri tal-grupp wieġbu bi ħġarhom għal din l-inizzjattiva u kemm kienu kapaċi jpoġġu fil-prattika dak li tgħallmu fis-snin formattivi tagħhom. Wara kollox, huwa d-dmir tagħna li nkunu ta’ eżempju għat-tfal tal-lum li huma wkoll il-mexxejja t’għada”.
L-Imtarfa Youth Nursery ilha mwaqqfa mis-sena 2006, rebħet diversi premijiet fl-ambitu sportiv, fosthom l-Istrickland Cup fl-2012, kif ukoll il-Fair Play Award tal-U15 fl-2014.

Nittamaw li ħafna gruppi u għaqdiet ohra isegwu l-passi tagħhom mill-aktar fis possibli!
