Lokali

“L-awtoritajiet irrendew l-e-kickscooters bħala ġugarelli flok mezz alternattiv ta’ trasport” – il-BAG

Il-Bike Advocacy Group (BAG) ikkritika lill-awtoritajiet li, bir-regoli ġodda proposti, ir-rendew l-e-kickscooters bħala ġugarelli flok mezz alternattiv ta’ trasport.

Il-BAG esprima d-diżappunt tiegħu li r-regoli proposti jagħmluha diffiċli li l-e-kickscooters jintużaw bħala mezz ta’ trasport sostenibbli u tal-massa f’pajjiżna.

“Filwaqt li hemm bżonn regolazzjoni, il-linji gwida proposti se jservu biss biex jaqtgħu qalb min kien qed jaħseb li juża dawn l-iscooters tant li min ma josservax ir-regoli se jaffaċċja penali ferm ogħla mis-sewwieqa tal-karozzi,” jiddikjara l-Bike Advocacy Group.

L-istess grupp jinnota wkoll li l-Gvern irrestrinġa tant ir-rotot li jistgħu jintużaw, li f’xi każi se jkun impossibbli li s-sidien ta’ e-kickscooters jaslu għad-destinazzjoni tagħhom. Dan apparti li jistgħu jintużaw biss minn persuni ta’ 18-il sena jew iktar f’dik deskritta bħala “opportunità mitlufa biex tinħoloq mentalita ta’ indipendenza mill-karozzi.”

Fid-dawl ta’ dan, il-BAG jistaqsi x’inhuma l-intenzjonijiet tal-Ministru tat-Trasport Ian Borg f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport sostenibbli f’Malta.