Sport Sport Ieħor

Nadal jegħleb l-isfida ta’ Cilic u jgħaddi mal-aħħar tmienja fl-Open tal-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Rafael Nadal wera l-kwalità tiegħu biex għeleb l-isfida ta’ Marin Cilic 6-3, 3-6, 6-1, 6-2 u kompla joqrob lejn ir-raba’ titlu fl-Open tal-Istati Uniti. L-Ispanjol rebaħ l-ewwel set wara li spikka fis-service u ddefenda tajjeb, sakemm il-Kroat wettaq reazzjoni u rebaħ it-tieni set bi skor identiku.

Iżda l-miżien reġa’ xaqleb favur Nadal li għola biex ta smash mill-aqwa u wara double fault ta’ Cilic, Nadal mar 3-1 minn fuq. Minn hemm hu ħa l-logħba f’idejh u għalaq il-konfront b’forehand biex ikkwalifika għall-40 kwarti tal-finali fi Grand Slam.

It-tennist ta’ 33 sena kellu tournament pjuttost kwiet fejn tilef biss set u kellu walkover fit-tieni rawnd. L-avversarju li jmiss se jkun l-Arġentin Diego Schwartzman li għeleb lil Alexander Zverev fil-logħba mill-aħħar 16. Nadal jista’ jilgħab kontra r-rivali tiegħu Roger Federer fil-finali jekk it-tnejn jibqgħu javvanzaw, bl-Iżvizzeru jilgħab kontra Grigor Dimitrov mal-aħħar tmienja.