Fuq il-promontorju li hemm fit-tarf tal-Birgu wieħed isib il-Forti Sant’Anġlu li jiddomina fuq il-Port il-Kbir. Fl-imgħoddi l-kontroll ta’ dan il-forti kien jissarraf fil-ħakma sħiħa tal-gżejjer Maltin.
Tradizzjonalment it-8 ta’ Settembru kienet il-ġurnata li n-nies ċivili setgħu jidħlu fil-Forti Sant’Anġlu … u t-tradizzjoni baqgħet hekk sakemm telqu l-Ingliżi fl-1979.
Tkellimna mal-Kuratur Prinċipali tal-Fortifikazzjonijiet Matthew Balzan fejn spjegalna kif qed titkompla din it-tradizzjoni llum il-ġurnta.
Il-Forti Sant’Anġlu huwa marbut ħafna ma’ din il-festa, għalhekk il-Ħadd li ġej Heritage Malta ħasbet biex toffri diversi attivitajiet għall-pubbliku in ġenerali.
Din se sservi wkoll ta’ okkażjoni biex wieħed iżur għall-aħħar darba l-esebizzjoni Behind Closed Doors li qed tittella’ fl-istess Forti.

Minn kastell medjevali taħt il-ħakma tal-kuruna ta’ Sqallija, l-importanza militari ta’ dan il-Forti dehret biċ-ċar fit-taqbidiet li seħħew matul is-sekli, sakemm fl-1906 ġie mibdul fi frejgata tal-ġebel jew aħjar bażi navali tal-Flotta Rjali fil-Mediterran.

Taħt it-tmexxija tal-Ammiraljat, il-Forti Sant’Anġlu sar ċentru ta’ attività kbira. Il-Forti beda jservi bħala akkomodazzjoni temporanja għall-baħrin u fizzjali barranin li kienu jinsabu Malta sakemm jintbagħtu x’imkien ieħor u kien jipprovdi servizzi varji lill-flotta Ingliża.
Għaldaqstant saru diversi bidliet fil-Forti sabiex jinħolqu l-ispazji meħtieġa għall-akkomodazzjoni tal-istess baħrin u fizzjali u għat-taqsimiet amministrattivi u tekniċi li kienu stazzjonati fih.
Maż-żmien l-Imperu Brittaniku ma baqax li kien u l-Flotta Rjali fil-Mediterran bdiet titnaqqar dejjem aktar. Dan wassal għal inċertezza fost il-Maltin minħabba t-tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema ingaġġati mal-Flotta Rjali.
Mandakollu, ir-rabta kbira li kellhom il-Maltin u l-Ingliżi mal-Forti Sant’Anġlu wasslet biex dan baqa’ jservi bħala bażi tal-Forzi Ingliżi sal-aħħar ġurnata tat-tluq tagħhom lura fil-31 ta’ Marzu 1979.
