Internazzjonali

Numru ta’ persuni mejta b’kawża tal-uragan Dorian

Minn tal-anqas ħames persuni mietu kawża tal-uragan Dorian fil-Bahamas. Il-Prim Ministru tal-Bahamas iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala traġedja storika.

L-Uragan Dorian – li fl-aħħar sigħat laħaq il-kategorija 5, li hu l-ogħla livell possibbli f’termini ta’ qawwa – ħalla straġi sħiħa fit-territorji tal-Bahamas, fost inċidenzi ta’ għargħar u tqaċċit tas-soqfa minn mijiet ta’ djar u bini oħra.

L-uragan ġab miegħu l-akbar maltempata għall-gżejjer tal-Bahamas mindu bdew jinżammu r-rekords, filwaqt li hu t-tieni l-akbar fl-istorja li ħalla effett fir-reġjun tal-Atlantiku, meta l-irwiefen telgħu għal veloċità ta’ 280 kilometru fis-siegħa.

Dwar dan anki l-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar esprimiet it-tħassib tagħha li madwar 13,000 djar setgħu nqerdu jew ġarrbu l-ħsarat.