Tard ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-għaxra, il-Pulizija kellhom jintervjenu biex jikkontrollaw protesta li saret fil-barracks ta’ Ħal Safi minn numru ta’ immigranti.
Iżda l-problemi ma waqfux hawn, għaliex anke llum wara nofsinhar reġa’ kien hemm inkwiet li żviluppa f’dan l-istess ċentru. Dan hekk kif għall-ħabta tas-1.45 p.m. għadd ta’ persuni li jinsabu miżmuma fiċ-ċentru, komplew jipprotestaw minħabba iż-żamma tagħhom fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.
Jidher li numru ta’ immigranti bdew isabbtu mal-bibien taċ-ċentru bħala protesta għall-ħelsien.
Sorsi li tkellmu ma’ netnews qalulna li l-maġġoranza ta’ dawn l-immigranti huma dawk li ddaħħlu Malta mill-Forzi Armati ftit tal-ġranet ilu minn fuq il-vapur Ocean Viking, wara li kienu ilhom madwar ġimagħtejn f’nofs ta’ baħar. Huma qed jinżammu fiċ-ċentru sakemm isir magħruf f’liema pajjiż se jkunu rrilokati.
Is-sitwazzjoni tal-bieraħ bil-lejl kienet ikkontrollata fi ftit ħin mill-Pulizija li ssejħu fuq il-post. Minħabba li s-sitwazzjoni eskalat, kellhom jissejħu rinforzi minn taqsimiet differenti tal-Pulizija, fosthom mill-Ispecial Intervention Unit, b’tagħmir għal kontra l-irvellijiet, u pulizija oħra mit-taqsima tal-kavallerija u l-klieb. Issejjaħ ukoll tim mediku u żewġ ambulanzi mill-isptar Mater Dei bħala prekawzjoni. Filfatt jidher li f’dawn il-propesti ma’ ndarab ħadd.
Jidher li għall-ħabta tas-2 ta’ filgħodu, il-Pulizija telqu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi, bis-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal. Sakemm reġa’ feġġ l-inkwiet illum wara nofsinhar, bil-Pulizija jerġgħu jiddejħu fil-post.
//= $special ?>