Numru sinifikanti ta’ deputati fil-Parlament ta’ Londra qed iħejju biex iwaqqfu lill-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, milli javvanza bin-no-deal Brexit li għandu jfisser il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.
Id-deputati, inklużi membri tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, huma determinati li jevitaw ‘il-possibbiltà katastrofika’, waqt li s-sorsi qrib ta’ Johnson wissew li din l-isfida kapaċi ġġiegħel lill-Prim Ministru jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija fl-14 ta’ Ottubru.
Illum, tliet snin wara li r-Renju Unit ivvota (f’referendum) biex iħalli lill-UE, ir-riżultat tal-kriżi dwar Brexit għadu inċert, b’numru ta’ sitwazzjonijiet jibqgħu miftuħa – mill-possibbiltà ta’ ‘no-deal’ sa sitwazzjoni ‘fejn ir-Renju Unit jibqa’ fl-istatus quo’.
Min-naħa tiegħu, Boris Johnson wissa biċ-ċar lid-deputati li għandu jfittex elezzjoni bikrija ‘jekk kemm-il darba hu jispiċċa b’idejh marbuta’. Fl-istess ħin, Johnson qed jinsisti li bl-ebda mod mhu se jfittex posponiment għall-Brexit, bir-Renju Unit jibqa’ ipprogrammat biex joħroġ mill-Unjoni fil-31 ta’ Ottubru.
Dawn iċ-ċirkustanzi, sadanittant, wittew it-triq għal konfront ‘li jista’ jiżvolġi f’wieħed storiku’ bejn il-Prim Ministru Britanniku u l-Parlament f’Londra.
Intant, l-alleanza tar-‘ribelli’ fil-Partit Konservattiv ta’ Johnson u d-deputati tal-Oppożizzjoni qed jużaw l-ewwel jum tal-Parlament, wara l-btajjel tas-sajf, biex jibdew it-tentattiv bil-ħsieb li ‘jimblukkaw’ in-no-deal Brexit. L-alleanza qed tidher fiduċjuża li t-tragward jirnexxi – bil-Kap Laburista (fl-Oppożizzjoni), Jeremy Corbyn, jinsisti li hu ‘lest għal elezzjoni jekk kemm-il darba din tissejjaħ’.
Il-partiti fl-Oppożizzjoni jistgħu jippruvaw jevitaw li Boris Johnson isejjaħ elezzjoni ġenerali – f’sitwazzjoni li teħtieġ l-appoġġ ta’ żewġ-terzi tal-membri fil-House of Commons – sakemm ikunu għaddew abbozz li jostakola n-no-deal Brexit.
It-taqlib politiku f’Londra, intant, qed jaffettwa sew l-Isterlina li fl-aħħar sigħat niżlet sal-aktar livelli baxxi mill-1985.
L-Unjoni Ewropea qalet li qed tqis no-deal Brexit sal-31 ta’ Ottubru bħala ‘possibbiltà distinta ħafna’ filwaqt li ħeġġet liċ-ċittadini u s-sidien tan-negozji fl-Istati-membri biex ikunu preparati għal dan ix-xenarju.
Il-kriżi tal-Brexit wasslet ukoll għal ‘gwerra ċivili’ fi ħdan il-partiti politiċi tar-Renju Unit, b’għexieren ta’ deputati jiddeċiedu biex ‘jagħtu sehemhom bil-għan li jsalvaw pajjiżhom minn futur perikoluż’ aktar milli jpoġġu l-lealtà lejn xi partit l-ewwel u qabel kollox.
Fil-preżent, ‘l-alleanza tar-ribelli’ qed tħejji biex tressaq mozzjoni ta’ emerġenza għal vot li jippermetti biex huma, għada (l-Erbgħa), jaħtfu l-kontroll tal-aġenda tal-Parlament biex jippruvaw jgħaddu l-leġislazzjoni li tisforza lil Johnson biex ifittex dawmien ta’ tliet xhur (sa Jannar) għall-ħruġ tal-pajjiż mill-UE.
Madankollu, il-Prim Ministru Britanniku effettivament biddel iċ-ċirkustanzi f’’vot ta’ fiduċja’ fejn għamilha ċara li ‘telfa’ twassal biex il-Gvern, illum, jivvota biex japprova elezzjoni bikrija, li probabbilment issir fl-14 ta’ Ottubru.
//= $special ?>