Sport Sport Ieħor

Richard Carapaz se jingħaqad ma’ Team Ineos mill-istaġun li ġej

Team Ineos iffirmaw lir-rebbieħ tal-Giro d’Italia Richard Carapaz b’kuntratt ta’ tliet snin mis-sena d-dieħla. Iċ-ċiklist mill-Ekwador ta’ 26 sena, se jħalli lil Movistar wara li rebaħ l-ewwel Tour maġġuri f’Ġunju. Hu se jingħaqad ma’ tliet rebbieħa oħra ta’ Tours maġġuri li huma Geraint Thomas, Chris Froome u r-rebbieħ ta’ din is-sena tat-Tour de France Egan Bernal.

“Din hi opportunità tajba għaliha biex inkompli niżviluppa u nikber bħala ċiklist. It-tim qed ikompli jissaħħaħ sena wara sena. Diġà naf ħafna miċ-ċiklisti fit-tim u ninsab ħerqan li naħdem ma’ kulħadd f’Team Ineos mill-istaġun li ġej,” qal Carapaz.

Froome li hu erba’ darbiet rebbieħ tat-Tour de France, tilef l-edizzjoni ta’ din is-sena wara li weġġa’ waqt il-Criterium du Dauphine f’Ġunju li għadda. Il-Britanniku ta’ 34 sena qed jittama li jerġa’ jidħol fit-tim is-sena d-dieħla.