Shaun Galea u Lara Buttigieg rebħu t-tielet tellieqa tal-Go and Fun Sprint Triathlon Series organizzata minn Birkirkara St Joseph fis-Salina. Il-kundizzjonijiet tat-temp imsaħħa u umduż intlaqgħu wara l-kundizzjonijiet ta’ sħana qawwija li kien hemm fit-tellieqa preċedenti. Dan għalkemm xorta kien hemm sfida għal dawk li ħadu sehem.
Shaun Galea u Bernard Sant irritornaw għat-tlielaq lokali wara li ma ħadux sehem fit-tieni tellieqa minħabba impenji internazzjonali. Galea ħareġ l-ewwel barra mill-ilma b’vantaġġ ta’ tliet sekondi fuq Sant. It-tnejn kellhom vantaġġ komdu fuq Nikol Micallef, b’Galea jżomm il-vantaġġ tiegħu meta ħareġ mit-tranżizzjoni biex jibda t-taqsima tar-rota li kien fiha 20 kilometru.
Josef Bonavia rnexxielu jagħmel tajjeb għad-distakk u rreġistra l-aħjar ħin fit-taqsima, iżda Galea spikka fil-ġirja u spiċċa rebaħ f’siegħa u 49 sekonda. Hu kien segwit minn Bernard Sant li temm it-tellieqa f’siegħa, erba’ minuti u 38 sekonda filwaqt li Bonavia daħal 13-il sekonda wara Sant.
Fil-kompetizzjoni tan-nisa, Lara Buttigieg spiċċat rebbieħa wara li rkuprat minn bidu ħażin. Kienet Anjelika Ruggier li ħarġet l-ewwel mill-ilma b’distakk minimu ta’ żewġ sekondi fuq Margaret Seguna u 33 sekonda fuq Buttigieg. Iżda tal-aħħar pattiet għaż-żmien mitluf waqt it-tranżizzjoni u t-taqsima tar-roti. Buttigieg kellha wirja tajba fil-ġirja ta’ ħames kilometri u rebħet f’siegħa, seba’ minuti u 48 sekonda.
Jesrit Camilleri u Lara Buttigieg bħalissa jinsabu fil-quċċata tal-klassifika ġenerali minħabba li ħadu sehem fit-tlielaq kollha sa issa. Ir-raba’ u l-aħħar tellieqa ssir il-Ħadd 22 ta’ Settembru fit-Triq il-Kosta fis-Salini. Din ġie innominata mill-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon bħala l-Kampjonati Nazzjonali Sprint, bit-tellieqa tibda fit-8.00 ta’ filgħodu.
//= $special ?>