Futbol Sport

Sliema jirnexxilhom iżommu lil Kurt Shaw u Michele Sansone wara interess minn Birkirkara u Gżira United

(Ritratt: James Galea)

Sliema Wanderers baqgħu sal-aħħar mumenti tas-suq tat-trasferimenti jirreżistu talbiet minn Gżira United u Birkirkara għal tliet plejers tagħhom. Replay żvela li Birkirkara baqgħu sal-aħħar sigħat tas-suq tat-trasferimenti jwettqu pressjoni biex fost oħrajn jiksbu lil Jean Paul Farrugia.

L-attakkant internazzjonali Malti ta’ 27 sena, li fil-passat lagħab ukoll għal Chiasso u Spartak Trnava, kien irritorna ma’ Sliema Wanderers fil-bidu tal-istaġun li għadda u sar plejer regolari tal-klabb.

Replay għamel kuntatt ma’ uffiċjali ta’ Birkirkara li kkonfermawlna li l-klabb xtaq ukoll lid-difensur ta’ 20 sena Kurt Shaw. Madankollu anke hawn Sliema Wanderers baqgħu jirreżistu t-talbiet għalih, wara li Gżira United ukoll kienu ilhom ġimgħat jagħmlu pressjoni fuq is-Slimiżi biex jippruvaw jikkonkludu dan it-trasferiment.

Dawn tal-aħħar kienu qed jippruvaw jakkwistaw ukoll lid-difensur ta’ 21 sena Michele Sansone iżda Sliema Wanderers ukoll irreżistew b’suċċess. Filfatt il-President ta’ Gżira United Sharlon Pace t-Tnejn stess, mumenti qabel għalaq is-suq tat-trasferimenti, waqt il-programm Replay Ikompli iddikjara li kien għadu qed jittama li jirċievi telefonata mingħand il-President Keith Perry.

Madankollu, sa minn ġimgħat qabel fuq l-istess programm, Perry kien diġà għamilha ċara li l-klabb irid iżomm liż-żgħażagħ Maltin tiegħu. Kien biss Ryan Fenech l-iktar plejer lokali prominenti tal-klabb, li baqgħu jirreżistu sal-aħħar jiem biex iżommuh iżda ma rnexxielhomx. Finalment hu ngħaqad ma’ Birkirkara FC.