Sport Sport Ieħor

Tintemm it-tieni edizzjoni tal-Logħob tal-Mediterran

F’Patras fil-Greċja ntemmet it-tieni edizzjoni tal-Mediterranean Beach Games. Ġranet fejn ix-xemx, baħar u ramel kienu l-elementi ewlenin f’suċċess għall-Greċja fl-ewwel kompetizzjoni internazzjonali wara l-Olimpjadi tal-2004.

Il-Logħob għalaq bil-finali tal-beach soccer bejn il-Portugall u l-Italja. Punteġġ ristrett ta’ 7-5 għat-Taljani minkejja li sa fażi tal-partita, l-Italja kellha vantaġġ ta’ erba’ gowls. Il-midalja tad-deheb ikkonfermat il-potenzjal tal-Italja fil-beach soccer taħt il-Presidenza ta’ Nando Arcopinto u l-kowċ Emiliano del Duca. Fit-tielet post spiċċat Franza.

Fil-klassifika ġenerali tar-rebh ta’ midalji, kif kien mistenni l-Greċja spiċċat bl-akbar numru tad-deheb b’total ta’ 19, sittax tal-fidda u ħdax tal-bronż, bl-Italja u Franza jsegwu. Mis-26 pajjiż miż-żona tal-Mediterran, tlettax minnhom rebħu xi midalja.

Fic-Ċerimonja tal-Għeluq li saret fl-Artemis Sports Centre, il-President tal-Kumitat Organizzattiv Nikolaos Papadimatos irringrazzja lil dawk kollha li kellhom sehem f’dan is-suċċess inkluzi l-elfejn volontarju. Il-President tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob tal-Mediterran Amar Addadi ddikjara l-Logħob magħluq u għadda l-bandiera uffiċjali lil Iakovos Filippousis bħala Segretarju Generali, liema bandiera tingħata lill-pajjiż li ser jorganizza it-tielet edizzjoni u li se jkun magħruf aktar tard din is-sena.