Lokali

15,782 persuna qed jgħixu f’dar iffullata

15,782 persuna qed jgħixu f’dar iffullata, bi kważi 6,000 minnhom jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, anke jekk fl-aħħar ġimgħat il-Gvern ftaħar li n-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqas.

Minn dawn li qed jgħixu fi djar iffullati – jiġifieri djar li fihom għandhom aktar nies milli jifilħu f’termini ta’ sodod u kmamar – 9,053 qed jgħixu f’garaxxijiet, boathouses jew appartamenti.

Dan ħareġ minn stħarriġ li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li wera żieda allarmanti ta’ djar li fihom jgħixu aktar minn ħames persuni, fejn żdied b’ħafna wkoll in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar li qed jgħixu fi djar iffullati.

Dan meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, fejn tajjeb li wieħed isemmi li meta d-dar tkun iffullata, kull persuna jħallas anqas f’kera. Min-naħa l-oħra, minħabba l-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi dejjem jogħlew, l-għadd ta’ nies f’riskju ta’ faqar komplew jiżdiedu u issa telgħu għal 78,685.

L-istatistika wriet ukoll li l-aktar li qed iħossu l-piż finanzjarju, meta mqabbla ma’ partijiet oħrajn ta’ Malta, huma dawk li jgħixu fin-nofsinhar u fit-tramuntana ta’ Malta.

L-NSO wera kif il-piż tad-djar bħala perċentwal tad-dħul disponibbli tela’ għal 4.3 fil-mija minn 3.6 fil-mija … perċentwali li l-aħħar li Malta kienet fih kien lura fl-2015.

U fost dettalji oħra li ħareġ minn dan ir-rapport tal-NSO…

30 fil-mija tal-popolazzjoni jaffaċċjaw problemi marbuta mal-ambjent u t-tniġġis tal-arja;

29 fil-mija jgħixu f’żoni ta’ ħafna storbju u 13 fil-mija jgħixu f’żoni ta’ vandaliżmu u kriminalità;

11 fil-mija m’għandhomx biżżejjed dawl fi djarhom u 8 fil-mija għandhom is-saqaf iqattar;

u 1 fil-mija tal-popolazzjoni m’għandhomx banju jew shower fejn jinħaslu.

Minkejja dawn iċ-ċifri inkwetanti, il-Gvern ta’ Muscat jibqa’ jiftaħar bil-‘middle class’ il-ġdida li ħoloq u li qed ngħixu fl-aqwa żmien.