Lokali

Bl-investment li jġib il-PN igawdi kulħadd – Adrian Delia

L-università Ġordaniza fil-Kottonera kellha tattira lejha għadd kbir ta’ studenti barranin, iżda sal-lum għadha università fantażma.  Il-binja tal-Università għaddiet lil persuni li ħadd ma jaf min huma, u bla ebda esperjenza fil-qasam edukattiv.

Dawn, flimkien ma’ Joseph Muscat, wegħduna li din l-università se tiġbed lejha investiment kbir, b’eluf ta’ studenti u li se tkun ta’ beneficcju għar-residenti tal-Kottonera.

Bħal ħafna wegħdi oħra, din il-wegħda taret mar-riħ. Saħansitra nies ħaga waħda ma’ Muscat, bħal ma hu d-deputat laburista minn fuq id-distrett tal-Kottonera Glenn Bedingfield, ħareġ jikkritika lill-gvern tiegħu stess fuq din l-università fantażma.

Dan hu sintomu ta’ kif jagħmel l-affarijiet dan il-gvern. Bħal ma għamel fil-każ tal-Vitals fejn l-isptarijiet tal-poplu għaddew għand negozjanti mingħajr esperjenza ta’ xejn fil-qasam tas-saħħa.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż-Żabbar. Dan bħala parti mill-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista għall-festi tal-Indipendenza. Din is-sena pajjiżna qed ifakkar 55 sena mill-kisba ta’ Malta Indipendenti.

Adrian Delia sostna li jappoġġja l-istqarrija maħruga mill-Kumitat Sezzjonali PN Bormla li oġġezzjona għall-estensjoni tal-Kampus tal-Università Gordaniza fejn sostna li f’Bormla m’hemmx fejn isir iktar bini u żvilupp ta’ dan it-tip u li diġà fiha nuqqas ta’ spazji miftuħa u li, bl-estensjoni, l-Bormliżi se jkunu qed jitilfu l-uniku spazju miftuħ li għad fadal.Kull ma jmur, qed jinħass sentiment ta’ rabja fost il-Maltin li qed jaraw Gvern imexxi b’arroganza u mingħajr rispett lejn in-nies li jaħdmu u jistinkaw biex jaqilgħu l-għajxien b’mod onest għall-familji tagħhom.

Dan hu gvern li ma’ ponn nies tal-qalba, uħud minnhom lanqas nafu min huma, jagħti art tal-poplu b’detriment għal negozjanti u investituri Maltin li jaħdmu lejl u nhar biex ikabbru n-negozju tagħhom, jinvestu f’pajjiżna, u joħolqu x-xogħol sostna Adrian Delia.

Minflok sarraf il-maġġoranzi li kiseb f’żewġ elezzjonijiet ġenerali, biex permezz tagħhom il-ġid li jinħoloq jasal għand kulħadd illum għandna gvern li jiddistingwi bejn min hu viċin tiegħu u bejn il-kumplament taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, qal Adrian Delia.Adrian Delia spjega kif il-Partit Nazzjonalista huwa favur l-investiment meta dan isir bis-serjetà u li jħalli l-ġid fil-pajjiż biex minnu jgawdi kulħadd.

Hekk għamlu gvernijiet nazzjonalisti bi proġetti infrastrutturali kbar madwar il-pajjiż u b’investiment qawwi mill-privat fl-oqsma tal-edukazzjoni, s-servizzi finanzjarji, l-farmaċewtika, l-avjazzjoni, s-settur marittimu u ħemel ta’ oqsma oħra.

Dawn ħolqu eluf ta’ impjiegi għat-tfal tal-Maltin u għal min ried jinvesti f’pajjiżna u joħloq ix-xogħol. Illum ta’ spiss nisimgħu b’taparsi investiment, bħal ma huwa dak tal-Università fantażma fil-Kottonera li, lil hinn mill-pompa li biha l-gvern iħabbarhom, dlonk jirriżulta li jkunu investimenti li ma jrendu xejn għax qatt ma jaqbdu art, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia spjega kif permezz tad-dokument ta’ qabel il-baġit, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed janalizza s-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż u jipproponi kif gvern ġdid Nazzjonalista joħloq il-gid li minnu jgawdi kulħadd.