Internazzjonali

Boris Johnson jitlef l-ewwel vot kruċjali

Deputati ribelli fi ħdan il-Partit Konservattiv Ingliż flimkien ma’ deputati tal-Oppożizzjoni għelbu dak li kellu jkun l-ewwel tentattiv tal-Gvern biex jgħaddi liġi sabiex jiġi evitat Brexit bla ftehim.

Fil-House of Commons kienu 328 vot kontra 301 li fisser li l-aġenda għaddiet f’idejn dawn il-membri ribelli, bir-riżultat li issa dawn jistgħu iressqu liġi biex ikun hemm iktar ittardjar biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

B’reazzjoni immedjata, Boris Johnson qal li kien se jressaq mozzjoni għal elezzjoni ġenerali bikrija.

B’kollox kienu 21 il-membri tal-Partit Konservattiv li ingħaqdu ma’ dawk tal-Oppożizzjoni  sabiex ġie megħlub dan il-vot.

Wara li ttieħed il-vot, stqarrija minn Downing Street qalet li membri tal-Partit Konservattiv li kienu vvutaw kontra kienu se jitkeċċew mill-grupp Parlamentari. Dan bit-tama li t-theddida tat-tkeċċija sservi ta’ lezzjoni għal membri oħra li kienu qed jikkunsidraw li jirribellaw.