Sport Waterpolo

Daniel Aquilina mhux se jibqa’ President ta’ San Ġiljan ASC

(Ritratt: Jo Aquatic)

Il-President ta’ San Ġiljan l-Avukat Daniel Aquilina se jkun qed jispiċċa mill-kariga wara għaxar snin fit-tmexxija tal-klabb hekk kif mhux se jerġa’ jikkontesta għal dan l-irwol. Fi stqarrija fuq il-paġna ta’ facebook tal-istess klabb, intqal li l-intenzjonijiet ta’ Aquilina kienu ċari minn kmieni din is-sena u ma kellhom l-ebda effett fuq ir-riżultati miksuba mit-tim f’dan l-istaġun tas-sajf.

Aquilina se jkun qed jagħti biżżejjed żmien lill-klabb biex jipprepara għal-Laqgħa Ġenerali Annwali li jmiss biex skont l-istatut ikun elett il-kumitat il-ġdid. Aquilina saħansitra se jmexxi l-Laqgħa Ġenerali Annwali u se jsegwi l-elezzjoni tal-kumitat il-ġdid

Daniel Aquilina hu l-aktar President ta’ suċċess fis-70 sena storja tal-klabb ta’ San Ġiljan. Fl-aħħar erba’ snin il-Ġiljaniżi rebħu darbtejn il-Kampjonat tas-Sajf wara nuqqas ta’ 20 sena, erba’ darbiet konsekuttivi n-knock-out, tliet darbiet konsekuttivi l-Kampjonat tax-Xitwa, tliet darbiet konsekuttivi t-Tazza tal-President u ż-żewġ edizzjonijiet tal-Enemed Cup.

Ukoll bejn l-2017 u l-2018, San Ġiljan kellhom sensiela rekord ta’ 58 logħba konsekuttiva mingħajr telfa, sensiela pożittiva li wasslet biex San Ġiljan rebħu l-unur tat-Team tas-Sena fl-edizzjoni ta’ sentejn ilu ta’ SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali. Fit-terminu tiegħu l-klabb Ġiljaniż kiber b’mod sostanzjali hekk kif bdiet in-nursery tal-klabb u beda jiffunzjona t-tim tan-nisa.