Sport Sport Ieħor

FILMAT: Il-Birgu b’mira li bejn sentejn u tliet snin oħra jkunu fost il-protagonisti tar-Regatta

Id-distrett tal-Birgu għandu mira li fi żmien sentejn jew tliet snin ikun fost il-protagonisti tar-Regatta. Fl-aħħar snin, il-Ġirbin sabuha diffiċli biex ikunu kompetittivi iżda jidher li beda jinħoloq tim li jista’ jagħti sodisfazzjon fil-futur.

Iżda sfortunatament għalihom għal din l-edizzjoni, weġġgħu diversi qaddiefa fl-aħħar tliet ġimgħat, bil-konsegwenza li kellu jsiru tibdil sfurzat. Fortunatament għalihom dawn il-problemi huma temporanji u għalhekk mistennija jkunu aħjar għar-Regatta tal-31 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.

Il-President tal-klabb Daniel Orsini tkellem dwar din il-problema mhux mistennija: “Ġietna sitwazzjoni fejn bħalma jafu l-klabbs kollha, kellna ħafna injuries, tnejn kisru jdejhom, wieħed ġibed muscle minn dahru u injuries żgħar oħra allura kelli ċertu dgħajjes nibdillhom il-crew tagħhom peress li tnejn minnhom il-protagonisti li kienu ħa jsuqu f’ċertu tiġrijiet, kellhom anki tliet dgħajjes f’idejhom, allura ma kinitx sitwazzjoni daqshekk pjaċevoli.” Il-President tal-klabb irringrazzja lill-qaddiefa li xorta kkoperaw u aċċettaw li jinżlu f’dgħajjes differenti.

Orsini ilu President tal-klabb għal sena u qed jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex il-Birgu tirritorna fost l-aqwa distretti. Minkejja d-diffikultajiet li għandhom, jemmen li f’dan l-istadju l-mira tal-klabb għall-futur qrib għandha tkun li jirbħu l-paljijiet qabel jaħsbu biex jippruvaw jirbħu x-Shield. Id-distrett tal-Birgu rebaħ ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja darba fl-1984.