Il-Ministru Ian Borg ftaħar kemm Infrastructure Malta qed tħawwel xtieli biex tikkumpensa għas-siġar maturi madwar Malta, li qed jitqaċċtu minħabba proġetti li japprova hu stess.
Iżda r-realtà hi li fis-skiet, bogħod mill-kameras, is-siti bis-siġar li hu stess qed jinawgura, ftit xhur biss wara qed jispiċċaw ċimiterji ta’ siġar mejta bl-għatx.
Fost l-oħrajn, jekk wieħed iżur Ħad-Dingli nnifsu, pereżempju – minfejn Ian Borg ġie elett – isib il-Ġardin Joseph Farrugia.
Hawn, fil-kampanja għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Ministri Jose Herrera u Ian Borg, akkumpanjati mill-Kunsillieri Laburisti tal-lokal, ftaħru li kienu qed iħawwlu aktar minn 200 siġra.
Illum, kif jixhdu l-filmati, is-sit sar ċimiterju ta’ siġar niexfa, mejta bl-għatx.
Dan mhux l-uniku ċimiterju tas-siġar f’Ħad-Dingli. L-istess xorti messet lill-ftit siġar fit-taraġ fiċ-ċentru tar-raħal. Proġett ieħor li qabel l-elezzjoni kien inawgurat b’tant pompa u li l-eks Sindku Sandro Azzopardi tant ftaħar bih.
Saħansitra ftit passi mill-Kunsill Lokali, fil-pjazza ewlenija, anke l-palm li kien iżejjen iż-żona nixef u miet.
Iżda minkejja li Ian Borg jaf sew b’din is-sitwazzjoni, ironikament jiftaħar li l-Gvern ma jħallix siġar jinxfu
Fid-dawl ta’ dan staqsejnieh dwar il-ġardin f’Ħad-Dingli, iżda qalilna biex nistaqsu lill-Kunsill Lokali
Il-kummenti ta’ Ian Borg huma sinifikanti ħafna. Dan għaliex mhux is-siġar biss huma l-vittmi f’Ħad-Dingli, iżda anke d-Dinglin spiċċaw vittmi ta’ pika interna bejn il-Laburisti stess.
Filfatt wara l-elezzjoni l-eks Sindku Sandro Azzopardi tilef postu għar-rivali tiegħu Raymond Schembri. Dan tal-aħħar f’Ħad-Dingli hu magħruf għal kemm hu qrib Silvio Schembri, il-kompetitur tal-Ministru Ian Borg fuq is-7 Distrett Elettorali.
Is-sitwazzjoni preżenti qed titqabbel mid-Dinglin ma’ dak li seħħ fi żmien it-tmexxija ta’ Venera Micallef, ukoll eks Sindku Laburista, li kienet rispettata anke minn persuni ta’ fehma politika differenti minn tagħha.
Issa jidher li xorti simili qed tmiss lis-Sindku ġdid.