Ekonomija Lokali

Id-dħul għas-settur tal-bini jonqos b’31.7%

Statistika għat-tieni kwart ta’ din is-sena turi li d-dħul fis-settur tal-bini naqas b’31.7%. Dan ġie żvelat miċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li jqabblu l-perijodu April-Ġunju 2019 mal-istess perijodu tas-sena li għaddiet.

Iċ-ċifri juru wkoll kif setturi oħra raw tnaqqis sinifikanti, bis-servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ lejn il-konsumaturi jonqsu b’17.8% filwaqt li attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, u l-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u l-ikel ukoll naqsu bi 3.5% u 2.5% rispettivament.

B’kollox, skont iċ-ċifri mill-NSO bħala bejgħ fil-pajjiż dan naqas bi 2.1%.

Il-prezz tal-propjetà f’pajjiżna b’mod partikolari, kellu varjazzjonijiet serji fil-prezz, li potenzjalment jindikaw instabbiltà dejjem tikber fis-settur.

Ekonomisti u analisti politiċi qed jistudjaw sew dawn iċ-ċifri, anke fid-dawl tal-kummenti riċenti li għadda l-Ministru Edward Scicluna meta stqarr li Malta daħlet f’perijodu ta’ slowdown ekonomiku.