Lokali

“Il-Bormliżi se jitilfu l-uniku spazju li fadal” – Il-Kumitat Sezzjonali tal-PN Bormla

Il-Kumitat Sezzjonali PN Bormla ħareġ stqarrija li fiha jinnota u jesprimi l-oġġezzjoni tiegħu bil-qawwa kollha għall-estensjoni tal-kampus tal-AUM, l-Università Amerikana f’Bormla.

Il-Kumitat Sezzjonali nnota li f’Bormla m’hemmx fejn isir iktar bini u żvilupp ta’ dan it-tip, li diġa fiha nuqqas ta’ spazji miftuħa, u li r-residenti Bormliżi b’din l-estensjoni se jkunu qed jitilfu l-uniku spazju li għad fadal.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Kumitat Sezzjonali nnota wkoll li t-tliet ibliet huma mogħnija bl-identita’ tagħhom u l-wirt storiku u arkitettoniku eżistenti u l-veduti li jgawdu, li se jkunu qed jitilfu parti minnhom. L-istqarrija tkompli tgħid li ta’ min ifakkar li s-sit fejn kienet ippjanata li sservi bħala Għassa tal-Pulizija f’Bormla, wara li tlestiet kważi minn kollox ttieħdet ukoll mill-AUM.

Għaldaqstant, il-Kumitat Sezzjonali qiegħed jiddikkjara li hu kontra dawn il-proposti tal-AUM u jappella lill-Gvern u lill-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar biex ma jibqgħux insensittivi lejn ir-residenti tal-Kottonera speċjalment dawk Bormliżi, u jirrifjuta tali applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp u dan għall-ġid tar-residenti Bormliżi u sabiex jiġi ppreżervat il-wirt storiku u arkitettoniku.