Għawdex Lokali

“Il-fast ferry hija wegħda oħra tal-Partit Laburista li baqgħet ma twettqitx” – PN

L-Oppożizzjoni tinnota b’dispjaċir il-mod xejn feliċi kif il-kumpanija Gozo Channel, li tagħha hu responsabbli l-Gvern, mexxiet il-proċess tal-għażla tal-operatur tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata minn
Chris Said, Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Frederick Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Soċjali f’Ghawdex, Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppozizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali u l-Ippjanar u Kevin Cutajar, Deputat Nazzjonalista

Listqarrija tgħid li l-aħbar li dan il-proċess tal-għażla ġie annullat mill-Public Contracts Review Board minħabba numru ta’ irregolaritajiet, mhi xejn ħlief turija ta’ kemm it-tmexxija tal-Gozo Channel aġixxiet b’inkompetenza u diżrispett kbir lejn l-pubbliku u partikolarment lejn l-Għawdxin, li qed jistennew l-introduzzjoni tal-fast ferry malajr kemm jista’ jkun. L-Oppożizzjoni kienet tistenna li jkun hemm proċess tal-għażla ferm aktar serju, bi kriterji preċiżi u fejn l-operatur li jintgħażel ikun jissodisfa tali kriterji. Dan hu dak li kellu u li għandu jsir biex is-servizz ta’ fast ferry offrut ikun mill-aktar effiċjenti, sigur u wieħed li jiġġustifika prezzu. 

Wieħed ifakkar li l-fast ferry kienet wegħda tal-Partit Laburista sa mill-elezzjoni tal-2013, iżda minkejja li dan ilu sitt snin fil-Gvern, din il-wegħda baqgħet ma twettqitx. Din tiżdied ma’ lista ta’ wegħdi oħra marbuta mal-konnettività tal-gżira Għawdxija, li l-Gvern Laburista għamel u li dwarhom ma żammx kelmtu. Fost l-oħrajn, wieħed isemmi l-air linkyacht marina u cruise liner terminal.

L-istqarrija tkompli tgħid li saħansitra fejn il-Gvern permezz tal-Gozo Channel, ħa inizjattiva bħal fil-każ tar-raba’ vapur, din saret biss wara karba twila minn kulħadd u b’nuqqas ta’ attenzjoni, tant li dan il-istess vapur għalkemm utli, mhux aċċessibbli u komdu daqs l-oħrajn. Minn Gvern Laburista li jgħid li għandu għal qalbu l-interess ta’ Għawdex u l-ħtiġijiet tagħha, żgur li wieħed jistenna ferm u ferm aħjar, ittemm tgħid l-istqarrija.