Il-Fiżjoterapisti għandhom dritt li jkunu professjonisti indipendenti u li jissieħbu f’liema union iridu. Sostniet dan il-union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fejn qalet li mhux se tħalli lill-Gvern u lill-UĦM tintimida lill-membri tagħha.
Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali Colin Galea, l-MUMN qalet li d-Direttur tax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali (DIER) aċċetta l-protest ġudizzjarju tal-MUMN u beda l-proċess ta’ verifika ta’ min għandu l-maġġoranza fost il-fiżjoterapisti għall-fini ta’ għarfien trejdunjonistiku. L-MUMN diġa’ issottomettiet il-formoli ta’ sħubija tal-membri tagħha kif mitlub mid-DIER.
L-MUMN tkompli li l-UĦM qed thedded b’azzjonijiet industrijali fit-taqsima tal-Professjonijiet Alleati f’tentattiv biex iċċaħħad id-dritt ta’ assoċjazzjoni tal-fiżjoterapisti. U dan għaliex taf li l-maġġoranza kbira tal-fiżjoterapisti huma membri tal-MUMN.
L-MUMN akkużat ukoll lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’kompliċita’ ma’ dan l-aġir.
L-istqarrija ttemm li l-MUMN lesta biex tieħu azzjoni legali biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-membri tagħha minn kull theddida għall-dawn l-istess drittijiet, kemm minn unions oħra kif ukoll mill-Gvern. Wasal iż-żmien li l-fiżjoterapija tkun professjoni indipendenti, tikkonkludi l-MUMN.
//= $special ?>