Kultura Lokali

L-ewwel edizzjoni ta’ ‘The Qormi Cheese and Wine Festival’

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Nhar is-Sibt li ġej f’Ħal Qormi ssir l-ewwel edizzjoni ta’ ‘The Qormi Cheese and Wine Festival’

Aktar minn nofs tunellata ta’ ġobon u aktar minn 15-il flixkun ta’ inbid differenti minn madwar id-Dinja se jkunu l-attrazzjoni ewlenija tal-ewwel edizzjoni ta’ The Qormi Cheese and Wine Festival li se jsir nhar is-Sibt li ġej, quddiem il-Knisja ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi.

L-attivitá li se tibda fis-sebgħa ta’ filgħaxija għandha l-iskop li tippromwovi l-kultura rikka li teżisti f’din il-belt li għandha storja kbira u rabta wkoll mal-inbid.

Se jkun hemm kemm inbid lokali kif ukoll inbid mill-erbat irjieħ tad-Dinja u kollha ta’ kwalitá. Il-ġobon se jkun Taljan u Skoċċiż… Dan kollu bi prezzijiet raġonevoli ħafna.

L-attivitá se tibda fis-sebgħa ta’ filgħaxija b’siegħa għana tradizzjonali, l-ispettaklu jkompli b’sagħtejn mużika u spettaklu minn D-Banned u anke Xarulú.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret biex ġie imniedi dan il-festival, l-organizzaturi spjegaw il-kunċett wara dan il-festival, li filwaqt jippromwovi il-kultura f’Ħal Qormi se jkun ukoll qed iwassal prodott ta’ kwalitá li jista’ jattira nies li mhumiex daqstant midħla ta’ din il-belt.

Is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Renald Falzon, spjega li l-Kunsill Lokali u wkoll ir-Reġjun Nofsinhar emmnu bis-sħiħ f’din l-attivitá u qed jagħtu l-appoġġ tagħhom. Huwa spjega li Ħal Qormi huwa mogħni b’numru ta’ għaqdiet volontarji li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jgħollu isem din il-belt

Minbarra l-attrazzjoni tal-ġobon, l-inbid u l-bands, se jkun hemm ukoll numru ta’ attrazzjonijiet oħra, bħal ammont ta’ skejjel ta’ żfin li se jkunu qed jingħataw l-opportunitá jesebixxu dak li jafu, se jkun hemm esebizzjoni ta’ kollezzjoni ta’ roti, drama fix-Xelter organizzata mill-4teenth Productions u wkoll se jkun hemm stand biex wieħed jikteb lilu nnifsu biex ikun donatur tal-organi. L-organizzaturi spjegaw li minn din l-attivitá kulturali u ta’ divertiment riedu joħorġu xi ħaġa li eventwalment tibqa’.

L-attivitá qed tiġi organizzata mill-Għaqda tan-Nar 23 t’April, il-Fratellanza ta’ San Mikiel flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u r-Reġjun Nofsinhar. The Qormi Cheese and Wine Festival sab ukoll l-appoġġ minn Farsons Direct u The Strand Palace u Devon.Preżenti għal din il-konferenza stampa kien hemm numru ta’ kunsilliera mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.